Andrew Pisani jirbaħ it-tieni attività mill-Kampjonat tal-Autocross

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat it-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross ta’ dan l-istaġun. Din l-attività ttellgħat nhar il-Ħadd li għadda. Għal din l-attivita rreġistraw 20 karozza maqsuma f’zewġ klassijiet, dik Modified u dik Standard.

Andrew Pisani fuq Vauxhall rebaħ il-Heats kollha tal-ġurnata biex mill-ewwel sab postu fil-finali Klassi A. Ma’ Pisani kkwalifikaw Karl Micallef, Noel Zammit, Jean Paul Grech, Ryan Scicluna u Kurt Aquilina. Mat-tluq ta’ din il-finali, il-finalisti kollha ħarġu flimkien iżda Micallef ħa t-tmun segwit viċin minn Pisani u Grech. Il-finali kompliet billi wieħed wara l-ieħor bdew jagħmlu użu mill-Joker Lap. Matul it-tielet dawra Micallef irtira minħabba ħsara mekkanika fir-rota ta’ quddiem u postu ħadu Grech segwit kemm minn Pisani u Sicicluna. L-attenzjoni daret fuq l-ewwel zewġ kompetituri li kienu qed jiġru flimkien iżda fl-aħħar dawra Grech ħa l-Joker Lap u rnexielu jibqa’ jżomm postu. Ftit qabel tmiem it-tiġrija Pisani irnexxielu jsib l-okkażjoni biex jieħu post Grech. Pisani rebaħ il-finali segwit min Grech u Scicluna. Fir-raba’ post daħal Aquilina segwit minn Micallef.

Fil-Finali Klassi B ħadu sehem Justin Buttiġieġ, Ivan Birmingham, Noel Vella, Nicolai Aquilina, Karl Curmi u Gilmor Cauchi. Mat-tluq ta’ din il-finali Vella ħa t-tmun tal-finali segwit minn Aquilina u Buttiġieġ. Fir-raba’ dawra l-karozza ta’ Aquilina inqalgħatlu xi ħsara u kellu jirtira waqt li Buttiġieġ avvanza pożizzjoni flimkien ma’ Birmingham. Dan tal-aħħar ftit qabel tmiem il-finali kellu jirtira wkoll minħabba ħsara mekkanika fil-magna biex b’hekk ir-riżultat finali spiċċa b’Vella jirbaħ segwit minn Buttigieg u Curmi. Fir-raba’ post daħal Cauchi.

Fil-Finali Klassi Standard ħadu sehem tliet kompetituri. Jerom Peplow, Joseph Micallef u Melvin Buttigieg. Irnexxielhom jispiċċaw it-tiġrija Peplow u Micallef, b’dan tal-aħħar jirbaħ il-finali tal-ġurnata segwit minm Peplow.

Matul tmiem il-ġimgħa li ġejja l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkun waħda impenjattiva. Nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru 2019 l-ASMK sa tkompli kemm bil-Kampjonat Nazzjonali Motocross 2019/2020 u l-Ħadd 15 ta’ Diċembru 2019 sa tkompli bil-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2019/2020. L-Attività tal-Motocross tibda fl-10:00am u ħa ssir fil-Kumpless Sportiv tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali filwaqt li l-Enduro ta’ nhar il-Ħadd se tiġi organizzata fil-Barriera tal-Fawwara u tibda fl-10:00am.

L-Attività li jmiss bil-Karozzi ser issir nhar il-Ħadd 22 ta’ Diċembru. Din il-ġurnata hija waħda speċjali għall-fatt li din tkun l-aħħar attività tas-sena u fl-istess ġurnata ssir l-24 edizzjoni tad-Demolition Derby 2019. L-attività tibda fl-10.00am u fit-3:00pm tibda d-Demolition Derby li għaliha din is-sena irreġistraw 46 karozza. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook.