Filmat: Andrea Bocelli jkanta fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

“Qed jinfirex mal-widien” kienet il-frażi li tiġik f’moħħok hekk kif mill-bibien tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta nstemgħet il-vuċi qawwija u maestuża tat-tenur Taljan Andrea Bocelli. Hekk kif ix-xita barra ma waqfet xejn, Newsbook.com.mt irnexxielu jieħu lemħa tat-tenur famuż hekk kif kien dieħel f’San Ġwann. Madankollu ma tħallejniex niħdulu kumment.

Bocelli jinsab Malta biex jiffilmja siltiet li se jkunu inklużi fil-kunċert tal-Milied li din is-sena se jixxandar minn Teatro Regio f’Parma fl-Italja nhar it-12 ta’ Diċembru. Imkejjen infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li siltiet mill-kunċert se jinġibdu Malta f’għadd ta’ lokalitajiet inkluż San Ġwann.

Andrea-Bocelli-in-Malta
Andrea Bocelli. Ritratt minn Miguela Xuereb

Ix-xita twassal għal bidla

Iż-żjara tat-tenur li spiss kanta mat-tenur Malti Joseph Calleja nżammet sigrieta u Newsbook.com.mt lanqas tħalla joqrob lejn Bocelli għal kumment dwar dan il-kunċert.

Is-siltiet li kellhom jinġibdu San Ġwann oriġinarjament kellhom jinġibdu nhar it-Tnejn iżda, minħabba li għat-Tlieta kien imbassar maltemp, l-iskeda nbidlet biex is-siltiet ta’ barra jinġibdu nhar it-Tnejn u dawk tal-Konkatidral li huma fuq ġewwa, jinġibdu meta tkun ix-xita.

U l-imbassar seħħ għax tul l-għodwa tat-Tlieta x-xita ma waqfitx għalkemm meta Bocelli wasal kienet biss irxiex ħafif.

Andrea Bocelli jidher dieħel San Ġwann (Ritratt: Miguela Xuereb)

Mużika għat-tama

L-avveniment li qed iħejji għalih Bocelli jsegwi kunċert ieħor li t-tenur għamel fl-Għid bl-isem “Mużika għat-tama” li kien kiser rekord ta’ nies li segwew dan il-kunċert live. Dan kien ixxandar mill-Pjazza tad-Duomo ta’ Milan f’nofs lockdown tal-Covid-19.