Andrè Mifsud mill-Kulleġġ San Alwiġi jirbaħ fit-traduzzjoni

Andrè Mifsud mill-Kulleġġ San Alwiġi kien ir-rebbieħ għal Malta fil-konkors annwali ta’ traduzzjoni Juvenes Translatores li jsir kull sena.
Dan tħabbar mill-Kummissjoni Ewropea hekk kif ħabbret ir-rebbieħa minn kull Stat Membru għal din l-edizzjoni.
Tmien studenti Maltin oħra li ħadu sehem ingħataw rikonoxximent speċjali għall-kwalità tat-traduzzjoni tagħhom. B’kollox kien hemm 30 student mill-Junior College, il-Kulleġġ San Alwiġi, De La Salle, il-Higher Giovanni Curmi, St Martin’s u Sir M. A. Refali f’Għawdex.
Ir-rebbieħa se jitilgħu Brussell fl-10 ta’ April biex jiġbru t-trofej u d-diplomi tagħhom mingħand il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani Günther H. Oettinger.
Iktar minn 3,300 student ħadu sehem din is-sena, fejn ittraduċew testi dwar is-60 anniversarju mit-twelid tal-Unjoni Ewropea. Huma kellhom l-opportunità li jagħżlu waħda mit-52 kumbinazzjoni possibbli bejn kwalunkwe żewġ lingwi mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Ir-rebbieħa kollha għażlu li jittraduċu għal-lingwa li jafu l-aktar jew għall-ilsien nattiv.
Mill-2007 ‘l hawn, is-sitt skejjel Maltin, ekwivalenti għan-numru ta’ Ewroparlamentari għal Malta mhux kollha kellhom student li rebaħ f’dan il-konkors. L-iktar għadd ta’ rebbieħa kienu studenti mill-Junior College. Din kienet it-tielet darba li student mill-Kulleġġ ta’ San Alwiġi rebaħ f’dan il-Konkors.