Andrea Debrincat ta’ Kerċem jirbaħ il-Plejer tax-Xahar

Andrea Debrincat ta’ Kerċem Ajax huwa l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Jannar 2020. Debrincat, li għandu 24 sena ngħaqad ma’ Kerċem matul l-istaġun 2018/2019 minn Victoria Hotspurs fejn kien jifforma parti mit-tim li rebaħ il-Kampjonat BOV GFA għal żewġ staġuni konsekuttivi.

Il-karriera tal-futbol ta’ Andrea bdiet fin-nursery tal-Oratory Youths fejn iddistingwa ruħu bħala attakkant prolifiku u prattikament rebaħ l-unuri kollha fil-livell junior. Minn meta ngħaqad ma’ Kerċem, Debrincat beda juri livell ogħla ta’ kunfidenza fil-logħob tiegħu u huwa fost l-aqwa skorers Għawdxin fil-kampjonat.

Żewġ rebħiet ta’ Kerċem Ajax matul ix-xahar ta’ Jannar kienu importanti ħafna għalihom biex jinqalgħu miż-żona tar-relegazzjoni. Debrincat skorja żewġ gowls importanti ħafna fir-rebħa ta’ Kerċem fuq Għajnsielem bl-iskor ta’ 3-2 u kellu logħba pożittiva ħafna fir-rebħa ta’ 2-0 tagħhom fuq Xagħra. Huwa skorja wkoll gowl fit-telfa tagħhom kontra Victoria Hotspurs.

Andrea ġie ppreżentat bit-trofew tal-BOV GFA Player of the Month għal Jannar 2020 minn Horace Laudi, Uffiċjal Kap fil-Bank of Valletta. Il-plejer għażel Fondazzjoni Arka biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.