Analiżi forensika biex jiġi determinat l-għadd ta’ Maltin li użaw l-IPTV

Read in English.

L-għadd ta’ residenti Maltin li għamlu użu mis-servizzi illegali tal-IPTV se jiġi determinat meta l-awtoritajiet Taljani jikkonkludu l-analiżi forensika tas-servers li ġew sekwestrati waqt l-Operazzjoni Perfect Storm.

Kelliem mill-Guardia di Finanza, li taqa’ taħt il-Ministeru tal-Finanzi Taljan, spjega ma’ Newsbook.com.mt, kif mill-konklużjoni tal-analiżi forensika għandu joħroġ l-għadd ta’ nies li użaw l-IPTV f’Malta.

F’database ċentralizzata diġà hemm informazzjoni dwar xi wħud minn dawk li għamlu użu mill-IPTV, iżda l-awtoritajiet Taljani se jerġgħu jduru bir-reqqa din l-informazzjoni, billi jqabbluha mal-pagamenti li saru. Newsbook.com.mt staqsa lill-awtoritajiet Taljani kemm huwa n-numru ta’ nies li qegħdin jagħmlu użu mill-IPTV, kif ukoll ta’ dawk li qegħdin jipprovdu dan is-servizz f’Malta.

Dan is-sit staqsa wkoll jekk dawk li użaw jew provdew is-servizz f’Malta humiex se jaffaċċjaw proċeduri kriminali fl-Italja. Għal dan, il-Guardia di Finanza wieġbet li dawk involuti se jiġu mressqa f’Napli fl-Italja. Madanakollu, ma ġiex eskluż li tingħata l-informazzjoni lill-awtoritajiet Maltin biex tipproċedi lokalment lil dawk li huma residenti f’Malta.

Tliet proprjetajiet tal-istess individwu f’Malta ġew imfittxija wara li l-awtoritajiet Taljani talbu l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali sabiex tieħu azzjoni fuq l-użu illegali tal-IPTV. Waqt dan ir-rejd f’Malta, il-Pulizija sabet apparat relatat mal-IPTV, madwar 150 apparat elettroniku, 48 Smart Satellite Cards, żewġ smartphones kif ukoll €13,000 fi flus kontanti.

Aktar informazzjoni dwar ir-rejd f’Malta:
Rejd b’rabta mas-servizz illegali tal-IPTV

F’din il-ħidma kkoordinata mill-Eurojust instabu iżjed minn 5,550 server tal-kompjuter li kienu qegħdin jiġu użati sabiex jiġu trażmessi u merfugħin xandiriet televiżivi, logħob sportiv b’xandira diretta kif ukoll films, mingħajr ma jiġu mħallsa s-sidien leġittimi. Dawn is-servers instabu fl-Italja, Bulgarija, Franza, Ġermanja, Litwanja, Malta, Rumanija, Slovenja, Żvezja u l-Olanda.