Ana Gomes tappella lill-Gvern Malti biex jipproteġi lil Ferris

Il-Membru Parlamentari Ewropew Portugiża Ana Gomes appellat lill-Gvern Malti biex jagħti l-istatus ta’ whistleblower lill-eks-uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris.
Hija saħqet li l-Gvern Malti għandu jagħti l-protezzjoni lilu u lil familja tiegħu wara li ġie żvelat li għandu fil-pussess tiegħu informazzjoni utli dwar każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Gomes tinsab imħassba għall-fatt li Ferris intalab jgħaddi l-informazzjoni li għandu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, speċjalment minħabba li hija stqarret li l-informazzjoni li għandu aktar tirrigwardja persuni li jaħdmu ġo dan l-uffiċċju.
L-Ewroparlamentari Soċjalista Ana Gomes mexxiet id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet f’Malta f’Diċembru li għadda biex tistħarreġ dwar is-sitwazzjoni politika f’Malta
Fi stqarrija li ġiet ippubblikata fl-aħħar ħin minn Gomes, hija qalet li temmen li l-informazzjoni li għandu Ferris tista’ tkun importanti u għalhekk għamlet it-talba tagħha lill-Gvern biex jagħtih il-protezzjoni.
“Il-mod kif Ferris qed jiġi trattat huwa perikoluż u kontestabbli” – il-MPE David Casa
Intant, b’reazzjoni għal dan l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa appoġġja l-istqarrija ta’ Gomes filwaqt li fakkar li Ferris kien iltaqa’ mad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Diċembru li għadda.
Irrimarka li l-mod kif Ferris qed jiġi ttrattat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa “perikoluż u kontestabbli”. Spjega dan minħabba li “l-informazzjoni fil-pussess tiegħu x'aktarx tinkludi persuni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru "
Stqarr li sfortunatament il-whistlebowers f’Malta “huma protetti biss meta jistgħu jintużaw bħala għodda kontra l-Oppożizzjoni” filwaqt li meta dan ma jkunx il-każ, isir kull sforz biex jisskredita u jimminahom.