Amoris Laetitia hi difiża tat-tagħlim tal-Knisja

Il-mod kif l-“Amoris Laetitia” hi milqugħa u meqjusa f’pajjiżi u minn persuni differenti, jista’ jagħti x’jifhem li hemm diversi verżjonijiet ta’ din l-eżortazzjoni appostolika għax kulħadd iħares lejha minn aspetti differenti.
Il-Kardinal Oswald Gracias f’konferenza li għamel il-ġimgħa li għaddiet f’Mumbai, l-Indja, qatt ma semma’ t-tqarbin għal dawk divorzjati u tkellem ftit dwar l-omossswalità.
Kif preżentat minn dan il-kardinal, dan id-dokument mhu xejn għajr difiża qawwija tat-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja. “Amoris Laetitia” hi stedina għall-familji Nsara biex jivvalorizzaw ir-rigal taż-żwieġ u l-familja u biex inħarsu l-imħabba ġeneruża, impenjata u fidila", qal il-Kardinal.
Fil-fehma ta’ Mons. Gracias, Amoris Laetitia mhux dokument li jfittex kompromess mad-dinja imma sejħa lill-familja Nisranija biex turi lid-dinja l-imħabba u l-preżenza ta’ Kristu.
“Sfortunatament illum hawn kriżi kulturali, ideoloġika, soċjali u spiritwali li qed jiffaċċjaw diversi familji minħabba l-influwenza negattiva tal-midja, il-kultura edonistika, ir-relattiviżmu, il-materjaliżmu, l-individwaliżmu, is-sekulariżmu, l-ideoloġiji atei u l-liberalizzazzjoni eċċessiva u egoistika tal-morali”, qal il-Kardinal.
Il-ħajja tal-familja hi affettwata minn numru dejjem jikber ta’ separazzjonijiet, divorzji u koppji li jagħżlu li jkollhom relazzjoni bla ma jikkommettu ruħhom għaż-żwieġ.
Wieħed jinnota wkoll numru jiżdied ta’ familji b’ġenitur wieħed. Hemm ħafna familji jgħixu fil-faqar u b’nuqqas tal-ħtiġijiet bażiċi tal-ħajja u bla ma għandhom aċċess għal kura u edukazzjoni ta’ wliedhom. "L-agħar li jmorru huma n-nisa li jkunu ddiskriminati u oppressi kemm mill-familja stess kif ukoll mis-soċjetà", kompla jgħid il-Kardinal Gracias.
Qal li l-Knisja trid tkun sensittiva għal dawk b’diffikultà fiż-żwieġ tagħhom. Dawn is-sitwazzjonijiet jeħtieġu risposa kostruttiva biex jinbidlu f’opportunitajiet li jwasslu għar-realizzazzjoni sħiħa taż-żwieġ u l-familja skont l-Evanġelju. Dawn il-koppji għandhom ikunu milqugħa u ggwidati b’paċenzja u diskrezzjoni.
Amoris Laetitia tagħmilha ċara li għax il-valur tal-ħajja hu tant kbir, ħadd ma jista’ jiġġustifika deċiżjoni li ttemm il-ħajja ta’ tarbija li qed tikber fil-ġuf ta’ ommha. Il-Knisja wkoll tasserixxi d-dritt għal mewt naturali u kontra l-ewtanasja”, qal il-Kardinal.
Tkellem ukoll dwar problemi etiċi gravi li qed toħloq it-tekonoloġija, bħalma hi ir-riproduzzjoni artifiċjali li twassal għall-qirda ta’ embrijuni. Sostna li dan mhux aċċettabbli.
"Amoris Laetitia qed issejjaħ lill-familji biex jgħixu l-Evanġelju b’mod attiv u jkunu protagonisti fil-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja", temm jgħid il-Kardinal tal-Indja.