Amnesty International takkuża lil Malta b’tattiċi illegali fuq l-immigranti

Read in English.

Amnesty International akkużat lill-Gvern Malti li rrikorra għal miżuri perikolużi u illegali fir-rigward tal-immigranti u r-refuġjati li jinsabu bejn sema u ilma.

Fl-aħħar rapport tagħha bl-isem Waves of impunity: Malta’s human rights violations Europe’s responsibilities in the Central Mediterranean, l-organizzazzjoni turi kif it-tattiċi tal-Gvern qed jesponu lin-nies għal sofferenza u qed ipoġġulhom ħajjithom f’periklu.

Dan ir-rapport ħareġ fil-kuntest tad-disprament li qed jgħixu 27 persuna li qegħdin ifittxu l-ażil. Dawn jinsabu fil-Baħar Mediterran, fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija, wara li ssalvaw minn tanker bil-bandiera Daniża f’ħidma kordinata mill-awtoritajiet Maltin. Ilhom il-baħar għal erba’ ġimgħat.

Nhar il-Ħadd il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ewwel obbligu tiegħu hu lejn il-Maltin u l-Għawdxin. Insista li d-Danimarka għandha terfa’ r-responsabbiltà ta’ dan il-bastiment billi għandu bandiera Daniża.

Abbord Maersk Etienne b’27 immigrant
3 immigranti salvati wara li qabżu ġol-baħar

L-NGO nnutat bidla fl-aġir tal-Gvern din is-sena. Akkużatu li qed jieħu miżuri illegali u xi drabi li qatt ma saru qabel biex jassisti lir-refuġjati u lill-immigranti. Fost dawn semmiet pushbacks illegali lejn il-Libja, li kien qed iżomm lil mijiet ta’ nies fuq vapuri barra x-xtut Maltin minħabba l-coronavirus, u li ffirma ftehim ġdid mal-Libja biex l-immigranti jinżammu milli jaslu Malta.

“Malta qed taqa’ għal tattiċi illegali biex tfarfar ir-responsabbiltajiet tagħha lejn in-nies fil-bżonn. Għarukaża li l-UE u l-Italja nnormalizzaw il-koperazzjoni mal-Libja fuq il-kontroll mal-fruntieri, imma li jintbagħtu n-nies lura fil-periklu li hemm il-Libja mhuwiex normali,” qalet Elisa De Pieri, ir-Riċerkatriċi Reġjonali fi ħdan Amnesty International.

L-organizzazzjoni spjegat li wħud mill-azzjonijiet li ħadu l-awtoritajiet Maltin jaf inkludew atti kriminali, peress li dawn jaf wasslu għal imwiet li setgħu jiġu evitati, għal detenzjoni arbitrarja mtawla u għal ritorni illegali lejn il-Libja. Dwar il-fatt li minħabba l-imxija tal-coronavirus, l-immigranti żżammew fuq vapuri barra mix-xtut Maltin, l-NGO qalet li dan sar biex jiskoraġġixxi lin-nies milli jfittxu sigurtà u ħajja diċenti fl-Ewropa.

Mill-bidu ta’ Jannar sas-27 t’Awwissu ta’ din is-sena, 7,256 persuna ‘inġibdu lura’ l-Libja mill-Gwardja tal-Kosta Libjana bis-sapport tal-UE. L-Amnesty International irrappurtat li ħafna d-drabi l-Gwardja tal-Kosta kienet tiġi infurmata bid-dgħajjes fil-baħar minn ajruplani ta’ Frontex u ta’ ħidmiet oħra tal-UE.

Il-pushback tal-Għid il-Kbir

Fl-istqarrija tagħha, Amnesty International qalet li l-każ tal-pushback tal-Għid il-Kbir juri l-miżuri ddisprati li lesti jieħdu l-awtoritajiet Maltin biex iżommu lill-immigranti milli jidħlu Malta.

Grupp ta’ 51 persuna, fosthom seba’ nisa u tlett itfal, intbagħtu lura Tripli wara li ġew salvati f’reġjun li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta. Huma ġew salvati mid-dgħajsa tas-sajd kummerċjali Dar al Salam 1 fil-15 t’April.

Il-Gvern Malti qabbad lid-dgħajsa twassal lil dawn persuni lura l-Libja.

Ħamsa minnhom kienu mejtin meta d-dgħajsa waslet il-Libja, u dawk li salvaw qalu li sebgħa minnhom intilfu fil-baħar. Qalu wkoll li ma ngħatawx assistenza medika abbord. Dan qalitu Amnesty International.

L-NGO tkellmet ukoll fuq l-inkjesta maġisterjali li saret fuq il-każ, u qalet li din ħalliet ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba, inkluż kif 12-il persuna tilfu ħajjithom u kif 51 persuna rritornaw il-Libja minkejja li huwa illegali li dawn in-nies jintbagħtu lura hemmhekk. L-organizzazzjoni nnutat ukoll li tul l-inkjesta maġisterjali, il-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud ma bagħatx għan-nies li salvaw biex jixhdu, u lanqas ma fittex ta’ min kienet ir-responsabbiltà li d-dgħajsa tqabbdet tagħmel pushback illegali.

L-NGO Alarm Phone tallega li saru pushbacks oħrajn fl-2019 u din is-sena stess li ma ġewx investigati.

Amnesty International iddiskutiet ukoll ir-relazzjoni bejn il-Libja u l-Italja, u qalet li dawn jaħdmu mill-qrib flimkien, u l-Italja tipprovdi s-sapport lill-awtoritajiet marittimi Libjani b’dgħajjes, taħriġ u assistenza biex tiffaċilita l-pushbacks.

Elisa De Pieri qalet ukoll li l-Kummissjoni Ewropea trid tiżgura li l-policies tal-immigrazzjoni Ewropej jirrispettaw id-drittijiet tar-rifuġjati u l-immigranti.