“Ammont ta’ persuni” fil-Belt Valletta lejlet l-ewwel tas-sena; 2 immultati

Valletta NYE
Terry ta' Bormla / Facebook

Read in English.

Il-Pulizija qalet li lejlet l-ewwel tas-sena, inġabru “ammont ta’ persuni” fi Pjazza San Ġorġ, li tferrxu malli lemħu lill-pulizija. Żewġ persuni ġew imħarrkin għax kienu bla maskra.

Fuq il-midja soċjali xxerrdu ritratti ta’ folla nies fil-Belt Valletta f’lejlet l-ewwel tas-sena, partikolarment fi Pjazza San Ġorġ, li qajmu rabja u tħassib fost in-nies minħabba l-miżuri restrittivi b’rabta mal-imxija tal-coronavirus.

Kelliem għall-Pulizija spjega lil Newsbook.com.mt li dakinhar, il-Pulizija tad-Distrett kienet impenjata f’numru ta’ spezzjonijiet, fosthom tat-traffiku u fil-ħwienet. Għall-ħabta ta’ nofsillejl, uffiċjali li kienu għaddejjin bi spezzjonijiet fin-naħa t’isfel ta’ Triq ir-Repubblika, u waqt li kienu mexjin lejn Pjazza San Ġorġ innutaw ammont ta’ persuni f’din il-pjazza. Il-persuni li kienu miġburin fil-post, malli lemħu l-pulizija tferrxu, waqt li l-pulizija baqgħu fuq il-post għal xi ħin sabiex ma jerġgħux jinġabru in-nies.

Żewġ persuni qalgħu multa għax ma kinux lebsin maskra.

Intant, Newsbook.com.mt tkellem ukoll mas-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit li sostna li min-naħa tal-Kunsill Lokali, ma nħarġu ebda permessi għal xi attività, u b’hekk, jekk inġabru xi nies, dan ġara spontanjament. Qal ukoll li hu kien infurmat li kien hemm ħafna nies il-Belt Valletta dakinhar, iżda mhux folla kbira ta’ nies miġbura f’daqqa.