Qarrej ta’ Newsbook.com.mt iddeċieda li jaqsam ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet poeżija li kiteb hekk kif kien qiegħed isegwi l-funeral tal-professur Oliver Friggieri. Il-mewt ta’ Friggieri tħabbret is-Sibt waranofsinhar fl-età ta’ 73 sena.
Il-poeżija li George Mallia kiteb fil-jum tal-funeral tippreżenta l-aħħar vjaġġ li Prof. Friggieri għamel fit-toroq tal-Gżejjer Maltin fix-xita u x’seta’ kien l-aħħar messaġġ tiegħu lill–poplu Malti.
Waqt il-Funeral ta’ Oliver Friggieri
Raxxet ix-xita
waqt li għall-aħħar darba
kont għaddej mit-triqat ta’ din il-gżira.
Kien dan l-aħħar messaġġ li ridt tgħaddilna?
Naddfuha waħda sew lil din l-art ħelwa
li jien dejjem għożżejt bi mħabba kbira.
Prof. Oliver Friggieri ngħata funeral ogranizzat mill-istat, l-Erbgħa li jgħadda. Il-quddiesa kienet immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna. Il-korteo tiegħu telaq mill-Isptar Mater Dei u għadda fost l-oħrajn mill-Università ta’ Malta, Fleur-de-Lys u l-Furjana.