Ammettew li vvandalizzaw il-karozzi; kienu fis-sakra

Żewġ mużiċisti żgħażagħ li dehru fil-filmat jivvandalizzaw karozzi ipparkjati fil-Pietà ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom u weħlu sentenza sospiża u €2,982 għal ħsarat.

Huma ngħataw sentenza ta’ sentejn sospiżi għal erba’ snin kif ukoll huma mitluba li jħallsu l-ammont ta’ €2,982 għall-ħsarat li kkawżaw bejniethom fiż-żmien tliet xhur.

Ivan Arapov ta’ 24 sena u Lucas Wanderley Dos Santos ta’ 22 sena kienu f’Malta biex idoqqu f’bar il-Belt. Is-serata tagħhom spiċċat biż-żewġ żgħażagħ jinfexxu fil-mirja tal-karozzi pparkjati waqt li kienu fis-sakra.

Iż-żgħażagħ ġew iddentifikati mill-filmat tal-kamera tas-sigurtà li nxterred fuq il-midja soċjali u li kien juri liż-żewġ żgħażagħ jagħtu bis-sieq il-mirja u l-bibien ta’ karozzi pparkjati fil-Pietà. Huma għamlu ħsara lil disa’ karozzi b’kollox.

Il-bar li jinsab fil-Belt Valletta kien qal li ż-żewġ persuni li nqabdu fuq kameras jivvandalizzaw numru ta’ karozzi fil-Pietà qatt aktar mhu se jdoqqu fl-istabbiliment tagħhom.