Ammetta li seraq mill-Ħamrun; 20 xahar ħabs

Raġel ta’ 22 sena mis-Somalja ġie kkundannat 20 sena ħabs wara li ammetta li bejn Ġunju u Lulju wettaq diversi serqiet fil-Ħamrun.

Ir-raġel ammetta li 27 ta’ Ġunju seraq oġġetti elettroniċi minn Triq Patri Magri, fit-18 ta’ Lulju seraq ammont ta’ tabakk minn ħanut. Fid-19 ta’ Lulju r-raġel seraq mobile u t-Tnejn li għadda seraq mobile, basket, kartiera u madwar €45 fi flus kontanti minn karozza pparkjata.

Il-prosekuzjoni talbet li r-raġel għandu jingħata sentenza ta’ ħabs, filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali fakkret lill-Qorti li r-raġel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fi stadju bikri tal-investigazzjoni.

Il-Maġistrat Josette Demicoli kkundannat lir-raġel 20 xahar ħabs wara li kkunsidrat li r-raġel ammetta fi stadju bikri iżda wkoll li huwa reċediv.