Amir se jinduna b’dak li qed jiġri?

Jason Zerafa bħala Amir

L-episodji mis-sitt staġun ta’ Division 7 ikomplu fuq Melita More, Cable Channel 315, mil-lum it-Tnejn fl-7.45pm.

It-Tnejn 18 ta’ Mejju

Washak u Abdullah mexjin bil-pjan li jeħilsu minn Julia bi tpattija lejn Amir, minħabba li qatel lil Mahmoud ħu Washak. Se jirnexxielhom jeħilsu minnha? Se jinduna Amir x’inhu jiġri?

It-Tlieta 19 ta’ Mejju

Fl-aħħar episodju tas-sitt staġun, Franġisku għandu l-pjan li jeħles mill-Madre, se jirnexxilu? Hemm sorveljanza stretta quddiem l-istitut. X’se jippjana biex jirnexxielu? Matthew għandu jmur jiltaqa’ m’ommu, kif se jmorru l-affarijiet wara das-snin kollha ma jitkelmux?

L-Erbgħa 19 ta’ Mejju

Fl-ewwel episodju mill-ewwel staġun li se jkun qed jerġa jibda jixxandar mil-lum se niltaqgħu ma’ Amir u Hassan, żewġt karattri nofshom Libjani u nofshom Maltin. Se niskopru x’tip ta’ ħajja jgħixu Malta u x-xogħol li jagħmlu. L-ispettur Matthew Schembri, huwa karattru ieħor li se jdaħħalna mill-ewwel fil-ħajja privata tieghu u dik tax-xogħol impenjattiv li għandu. F’Division 7, id-diviżjoni fil-ħabs tan-nisa, se naraw lil Fr.Rene mal-priġunieri, għaliex se jkun qiegħed hemm? Roderick, li jaħdem full-time ġewwa razzett, għandu wkoll part-time job, job li għalkemm joħodlu inqas minn ħinu, iqallgħu kemxa flus mhux ħażin.

Il-Ħamis 20 ta’ Mejju

Julia tgħix id-dar ma’ Amir, fejn naraw li jieħu ħsiebha b’għaqal u mħabba kbira, minħabba l-kundizzjoni li tinsab fiha. X’ġara fil-passat ta’ Julia? Għaliex tinsab fuq is-siġġu tar-roti? U għaliex għal binha Hassan, Julia hija persuna mejta? Matthew u t-tim tiegħu se jlaqqgħuna mal-ewwel każ li se jkunu qed jaħdmu fuqu. X’qed jiġri f’Division 7? Il-priġunieri ma tantx jidhru li għandhom relazzjoni tajba mal-gwardjani. Għaliex? Il-gwardjani qegħdin jagħmlu xogħlhom kif suppost? Jew il-priġunieri stess qed iġibu ruhom ħażin?

Il-Ġimgħa 21 ta’ Mejju

Xi ħaġa fil-passat ta’ Matthew marbuta mal-eks mara tiegħu, qed twasslu biex ikollu attakki ta’ paniku u tormenti kontinwi, li jtellfuh milli jikkonċentra f’xogħolu. Għaliex, meta jaħseb fiha jispiċċa f’dan l-istat? U x’ġara m’ommu? Għaliex Martina qaltlu biex jirranġa l-affarijiet magħha? Hassan jittratta ħażin lil martu Samira. Għaliex? U xi żball għamel fil-passat, li Amir ma jistax jinsa? Għaliex Amir suppost ma jafdahx lil ħuh? F’Division 7 se niskopru l-istorja ta’ waħda mill-priġunieri u għalfejn spiċċat maqfulha hemm ġew. Min se tkun? Sarah tkompli tistaqsi dwar ommha, li qegħda msiefra fuq studju. Troy jaqla’ copy l-iskola, għaliex? X’għamel ħażin?