Amerka: Sar jaf min hu b’ritratt fuq websajt ta’ tfal neqsin

Raġel sar jaf l-identità vera tiegħu wara li ra ritratt tiegħu fuq websajt ta’ tfal rappurtati nieqsa.

Steve Carter minn Philadelphia fl-Istati Uniti kien jaf li ġie addottat minn orfanotrofju f’Honolulu fil-Hawaii meta kellu erba’ snin, iżda qatt ma kien jaf ir-raġuni għala. Madanakollu aktar kemm kiber, aktar xtaq jitgħallem dwar l-oriġini tiegħu, u beda jfittex b’mod attiv fl-2011.

Hu sema’ bil-każ ta’ Carlina White minn rapport tas-CNN. White kienet insterqet minn mara li kienet qed tilgħaba ta’ infermiera fi sptar fi New York meta kellha biss 3 ġimgħat. Hi reġgħet ingħaqdet mal-familja tagħha snin wara li skopriet bir-ritratt tagħha ta’ meta kienet tarbija fuq is-sit tan-National Centre for Missing and Exploited Children fl-età ta’ 23 sena.

Carter iddeċieda hu wkoll li jfittex fuq missingkids.org bit-tama li jasal għat-tweġibiet. Fl-età ta’ 34 sena, sab lilu nniffsu jħares lejn ritratt li juri kif tifel nieqes seta’ jidher meta jsir adult, ritratt li kien kważi identiku għalih. Dan kien eżatt ħdejn ritratt ta’ tarbija li kien jgħid li sparixxa fil-Hawaii. Hu immedjatament għamel kuntatt mad-dipartiment tal-Pulizija f’Honolulu.

Hu u jitkellem mas-CNN qal li għamel test tad-DNA u tmien xhur wara sar jaf partijiet mill-istorja tiegħu. Spjega li sar jaf li l-isem li kien ingħata fit-twelid kien Marx panama Moriarty Barnes. Hu kien iben Mark Barnes li kien irrappurtah nieqes aktar minn 30 sena qabel. Dan wara li ommu, Charlotte Moriarty ħaditu għal mixja meta kellu madwar sitt xhur u ma rritornax.

Carter skopra li ommu ħaditu fid-dar ta’ persuna stranġiera u tat isem fittizju lill-Pulizija kif ukoll data tat-twelid differenti. Hi mbagħad ittieħdet fi sptar psikjatriku u Carter tpoġġa taħt protezzjoni. Hi sparixxiet xi jiem wara. Madwar tliet snin wara hu ġie addottat minn Steve u Pat Carter u trabba fi New Jersey.

Missier Carter sostna li kien għamel madwar sena u nofs isuq madwar il-gżira u jfittex lil ibnu u lit-tfajla tiegħu.