Ambulanzi wieqfa minħabba nuqqas ta’ stretchers fl-Emerġenza; Il-Ministeru jiċħad

Ambulanzi qed jispiċċaw imwaħħla fid-Dipartiment tal-Emerġenza minħabba li fl-aħħar jiem ħafna nies kellhom jirrikorru fl-Isptar Mater Dei tant li fl-istess dipartiment inħolqot problema ta’ nuqqas ta’ stretchers.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u li jaħdmu fl-istess Dipartiment, spjegaw kif in-nuqqas ta’ stretchers qiegħed jaffettwa s-servizz tal-ambulanzi u t-timijiet mediċi li jaħdmu fuqhom. Dan minkejja li ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministeru għas-saħħa ċaħad li hemm problema.
Fl-ewwel jiem tas-sena, ħaddiema tad-Dipartiment tal-Emerġenza qalu li l-pazjenti li jaslu bl-ambulanza qed ikollhom jistennew biex jitniżżlu minn fuqha minħabba li mhux qed ikun hemm stretchers disponibbli għalihom fl-Emerġenza.
Dwar dan, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa jistaqsi jekk dan hux minnu u x’passi qed jittieħdu.
“Ġew ipprovduti aktar stretchersm’hemmx nuqqas ta’ stretchers” – il-Ministeru
Kelliema għall-Ministeru, filwaqt li ma ċaħditx li dan qed iseħħ, spjegat kif fl-ewwel jiem tas-sena kien hemm żieda qawwija fl-għadd ta’ pazjenti li marru l-Emerġenza. Spjegat li dan huwa normali għal dan iż-żmien u fost miżuri oħra ġew ipprovduti aktar stretchers f’dan id-Dipartiment.
Għal aktar mistoqsijiet, dwar jekk l-istretchers tnaqqsux minn dipartimenti jew swali oħra, wieġeb l-Assistent Personali tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li din id-darba ċaħad li f’xi ħin kien  hemm problema ta’ nuqqas ta’ stretchers fid-Dipartiment tal-Emerġenza jew xi mkien ieħor fl-isptar.
“Il-problema qed tippersisti” – Ħaddiema tal-Emerġenza
Iżda l-istess ħaddiema reġgħu tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u qalu li l-problema qed tippersisti u qed tiżdied.
Ilbieraħ, l-Isptar Mater Dei ħabbar li se jkun hemm bidliet biex iż-żieda fin-numru ta’ pazjenti bl-influwenza qalila jkunu ttrattati bl-aħjar mod.
Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon spjega fi stqarrija li f’dawn l-aħħar 48 siegħa l-isptar Mater Dei kien qed jaffaċċja sfidi konsiderevoli kkawżati minn numri kbar ta’ pazjenti li talbu l-assistenza u kellhom jinżammu fl-isptar għall-kura.
Għaldaqstant wara li l-amministrazzjoni tal-isptar tkellmet ma’ numru ta’ professjonisti u esperti fil-qasam, ġie deċiż li ċertu żoni li jintużaw għall-Outpatients jinqalbu temporanjament għal dawk li għandhom bżonn iqattgħu ljieli fl-isptar.
L-isptar ħabbar ukoll li numru ta’ interventi mhux kritiċi se jiġu posposti għal data oħra filwaqt li assigura li interventi relatati ma’ kanċer jew oħrajn fejn intervent fil-ħin ikunu kritiċi għas-saħħa tal-pazjent se jkomplu għaddejjin normali.
Minn ċifri li ta l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, jirriżulta li 40% tal-persuni li kuljum imorru fid-Dipartiment tal-Emerġenza jistgħu jinqdew fiċ-ċentri tas-saħħa.