Ambulanzi bil-ħsara: 4 lura fis-servizz, id-direttivi jibqgħu fis-seħħ

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma dak li żvela Newsbook.com.mt fil-jiem li għaddew, li numru ta' ambulanzi kienu bil-ħsara.
Newsbook.com.mt irrapporta li seba’ ambulanzi minn flotta ta’ 11 kellhom il-ħsara, uħud minnhom fl-arja kkundizzjonata. Dwar dan l-MUMN ħasset il-bżonn li toħroġ żewġ direttivi għax is-sħana li ħakmet il-gżejjer Maltin kienet qed taffettwa l-operat u s-saħħa tal-ħaddiema taċ-Ċentri tas-Saħħa kif ukoll dik tal-pazjenti.
Il-kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qalet li l-ġimgħa l-oħra kien hemm ħames ambulanzi bil-ħsara, u li erba' minnhom issewwew ilbieraħ u reġgħu qed jagħtu servizz.
Ikkonfermat ukoll li hemm pjan ta’ kontinġenza biex jintużaw ambulanzi oħra wara li nħarġet sejħa għall-offerti. Dan sabiex is-servizz fl-Isptar Mater Dei jibqa’ għaddej bla xkiel.
Intant l-MUMN qalet li ħarġet id-direttivi għax l-ambulanzi GVH096, GVH097 u GVH098 kienu u għadhom bl-arja kkundizzjonata mhux adekwata għat-temperaturi ta' Malta.
Ma' Newsbook.com.mt, il-President tal-MUMN Maria Cutajar qalet li d-direttivi se jibqgħu fis-seħħ u jiġu rtirati biss meta l-MUMN tirċievi rapport minn entità kompetenti, li tiċċertifika li s-sistema tal-arja kkundizzjonata hija adekwata għall-klima Maltija.
Ritratt: L-ambulanza GVH-275