Amber tirbaħ il-Malta Eurovision Song Contest

Il-kanzunetta li se tirrapreżenta lil Malta fis-sittin edizzjoni tal-Eurovision Song Contest fl-Awstrija hija Warrior tal-kantanta Amber.
Il-kantanta fis-serata finali tat interpretazzjoni qawwija tal-kanzunetta li spikkat fuq il-kanzunetti kollha l-oħra li ħadu sehem fis-serata finali.
Weħidha fuq il-palk Amber serqet l-attenzjoni tal-ġurija li vvutawlha bl-akbar ammont ta' punti.
Warajha fit-tieni post il-kanzunetta Rush ta' Christabelle Borg. Fit-tielet post klassifika Glen Vella bil-kanzunetta Breakaway. 
Il-kanzunetta titkellem dwar diffikultajiet li l-ħajja toffri u kif il-bniedem jaffrontahom b' kuraġġ.
Il-kanzunetta rebbieħa għandha kliem ta' Matt Muxu Mercieca u mużika ta' Elton Zarb.
Il-vot tal-pubbliku nqasam hekk: 8 punti marru għand Still Here ta' Franklin, 10 punti għas-sorijiet Ekklesia u 12-il punt għand Amber b' Warrior.
Għada l-Ħadd fuq Radju RTK bejn il-11am u 12.30pm isir programm dopo festival li fih jixxandru l-ewwel kummenti ta' Amber u intervista esklussiva mar-rebbieħa kollha.