Amber tiffirma ftehim mal-Universal Talent Group

Il-kantanta Amber għadha kemm iffirmat ftehim mużikali mal-Universal Talent Group ta’ Londra li se jibda jieħu ħsieb lill-kantanta mużikalment.
Fl-ewwel reazzjonijiet tagħha għal din l-aħbar il-kantanta ddeskrivietha bħala ħolma li issa ġiet realta.
Il-Universal Talent Group huwa l-agenzija mużikali li miegħu ħadmu kantanti u ismijiet rinomati bħall-gruppi A1, Steps, Lynda Carter u Rebecca Furguson.
B’għoxrin sena esperjenza mużikali internazzjonali l-aġenzija wasslet ħafna kantanti għal fama internazzjonali.
Kelliem għall-kumpanija Paul Collum qal: "Ninsabu kburin li nilqgħu lill-artista magħna u nħarsu b’ħafna entużjazmu biex immexxuha fil-passi li jmiss tal-istorja mużikali tagħha”.
Amber fl-2015 irrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Warrior. Minkejja li m’għaddietx għall-finali din l-esperjenza fuq il-palk tal-Eurovision għaliha serviet biex xorta ġibdet l-attenzjoni fuq livell internazzjonali u b’hekk waslet fejn waslet illum.