Filmat: Amber b’diska ġdida: No Neverland

Wara s-suċċess tal-ewwel album ta’ Amber ‘Redemption’ u t-tnedija tal-visual album ‘Alive, The Truth About Neverland’, Amber issa qed tniedi diska oħra minn dan l-istess album.
‘No Neverland’ hija r-raba' diska minn total ta’ 12, li jinsabu fl-album li qiegħda toħrog bħala single.
‘No Neverland’ tkompli tibni fuq l-emozzjonijiet u n-narrattiva tat-tliet singles li ħarġu qabel. Il-ġeneru tal-kanzunetta, bħall-kumplament tal-album, huwa fuq stil pop, imħallat b’tonalitajiet tal-jazz, li jinsabu fil-vuċi ta' Amber. 
It-tema tad-diska hija waħda ta’ mħabba: It-tmiem ta' relazzjoni ta' mħabba bejn żewġ maħbubin intemmet, u l-unika tama li hemm hi li b’mod ironiku, xi darba jergħu jiltaqgħu f'‘Neverland’, il-gżira fittizja li ma qatt ma eżistiet.
"Ninsab kuntenta ħafna li qed noħroġ ir-raba' diska minn dan l-album. Ninsab grata ħafna lejn is-segwaċi tiegħi u lejn dawk kollha li jsegwuni fuq is-siti soċjali tiegħi. Nirringrazzja wkoll lil dawk il-persuni kollha li kelli ċ-ċans naħdem magħhom’’, qalet Amber f’kumment li tat fuq is-siti soċjali tagħha. 
L-album ‘Redemption’ jinsab fuq il-ħwienet diġitali kollha inkluż ‘itunes’ u ‘Spotify’.