“Alternattivi oħra minflok ħabs għall-persuni bi problema għad-droga” – Carmelo Abela

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li għandu jkun hemm alternattivi oħra minflok priġunerija għall-persuni bi problema tad-droga.
Waqt li kien qiegħed jindirizza lill-Koordinaturi Nazzjonali tal-ħidma kontra d-Droga, mit-28 Stat membru tal-Unjoni Ewropea, Dr Abela qal li l-evidenza turi li alternattivi minflok priġunerija jħallu aktar effett fir-riabilitazzjoni, b’mod partikolari meta jkunu mfasslin skont il-ħtieġa tal-individwu.
L-Istrateġija tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi jħeġġu lill-Istati membri biex jipprovdu lil min ikun kiser il-liġi bid-droga, alternattivi għas-sanzjonijiet.
Dawn jinkludu l-edukazzjoni, il-kura, ir-riabilitazzjoni, l-assistenza wara li jkun lesta programm biex ma jibqax dipendenti fuq id-droga, u l-integrazzjoni soċjali.
Dr Abela qal li filwaqt li l-liġijiet dwar id-drogi għandhom ikunu ħorox kontra t-traffikanti, m’għandhomx ikunu ħorox mal-vittmi.
Ritratt: DOI: Clifton Fenech