Alternattiva titlob li s-sorveljanza tal-partiti ssir mill-Kummissarju dwar l-Istandards

Alternattiva Demokratika laqgħet il-ħidma li saret bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex fil-Parlament ġiet approvata liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Id-Deputat Chairperson ta' Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo saħaq li dan il-pass huwa sinjal ċar li meta jridu, il-Gvern u l-Oppożizzjoni kapaċi jagħtu r-riżultati.
Fil-ġimgħat li ġejjin, b'riżultat ta' din il-liġi, mistenni jinħatar l-ewwel Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fid-dawl ta' dan, Alternattiva Demokratika qalet li l-pass li jmiss, huwa li l-istess Kummissarju jkollu taħt l-obbligi tiegħu, is-sorveljanza tal-finanzjament tal-partiti politiċi, minflok il-Kummissjoni Elettorali.
Alternattiva sostniet li l-Kummissjoni Elettorali hija ffurmata minn erba' membri magħżula mill-Gvern u erbgħa mill-Oppożizzjoni biċ-Chairman maħtur mill-Gvern.
Saħqet li b'konsegwenza t'hekk, il-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jispiċċaw jinvestigaw lilhom infushom.