Alternattiva Demokratika: X’qed jiġri mill-kosta pubblika Maltija?

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika (AD), il-Prof. Arnold Cassola, qal li hu soċjalment u ambjentalment inaċċettabbli li bosta partijiet tal-kosta Maltija qed jingħataw lil entitajiet privati biex isiru lidos jew bajjiet privati.
Waqt konferenza stampa f’Buġibba ic-Chairperson tal-AD, il-Prof. Arnold Cassola qal li għalkemm skont il-liġi tad-dominju pubbliku, il-pubbliku għandu dritt għall-aċċess, dan mhux garantit.
Il-Prof. Cassola sostna li wara li kien hemm għidut dwar pjanijiet biex tiġi privatizzata l-bajja pubblika taħt l-ex-Mcdonald's f'Buġibba, ħareġ riklam fuq is-sit elettroniku ta' aġenzija tal-propjetà għall-kiri ta' dan is-sit, inkluża bajja privata
Il-Kelliem tal-AD, Simon Galea, qal li wara li deher ir-riklam fis-7 ta’ Jannar hu kiteb personalment lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u lis-Segretarju Parlamentari Dr Deborah Schembru, imma dawn baqgħu ma bgħatux tweġiba.
Żied jgħid li mhux aċċettabbli li Sindku ma jkunx jimpurtaha tagħti tweġiba dwar ħaġa daqshek sensittiva meta suppost dawn l-entitajiet qegħdin hemm biex iħarsu d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini.