Alternattiva Demokratika mħassba bl-ekonomija ta’ Malta

Alternattiva Demokratika sostniet li huwa dubjuż jekk id-defiċit tal-Gvern jistax jitnaqqas għal 3% tad-dħul gross domestiku sal-aħħar ta' din is-sena.

Iċ-chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li l-fatt li Fitch naqqsu l-grad li taw lil Malta jikkonferma għal darb'ohra t-tħassib ta' Alternattiva Demokratika dwar l-ekonomija ta' Malta.

Fi stqarrija, Alternattiva Demokratika sostniet li l-aġenzija qiegħda tisħaq li l-Gvern qiegħed jiffoka fuq it-tkabbir fid-dħul tal-Gvern mingħajr ma ħa miżuri konkreti biex inaqqas l-ispiża filwaqt li t-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul se tkompli tkabbar il-defiċit fil-finanzi tal-Gvern.

B’referenza għar-rapport ta’ Fitch, il-Professur Arnold Cassola sostna li d-dejn pubbliku totali ta' Malta, inkluz l-Enemalta u l-garanziji mogħtija mill-Gvern, jammontaw għal 90% tal-Prodott Gross Domestiku, simili għal dak ta' Spanja, Franza u r-Renju Unit.

Il-Professur Cassola kkonkluda li jekk il-Gvern jibqa’ għaddej b'baġit espansjonarju, wara li l-amministrazzjoni preċedenti kienet naqset li tindirizza d-deterjorament fiskali tas-sena li għaddiet, jista' joħloq problemi aktar serji għall-istat tal-finanzi Maltin.