Alternattiva Demokratika mħassba bin-nuqqas ta’ trasparenza fil-ħatriet pubbliċi

Alternattiva Demokratika sostniet li tinsab imħassba dwar in-nuqqas ta' trasparenza fil-ħatriet pubbliċi.

B’referenza għall-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi mal-Malta Enterprise, iċ-chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola sostna li din hi ħatra li ħadd mill-Gvern ma jidher li jaf xi ħaġa dwarha.

Il-Prof. Arnold Cassola kompla jgħid li aġenzija tal-Gvern li se tkun qiegħda tiċċentralizza informazzjoni importanti fuq iċ-ċittadini, ġiet imwaqqfa mingħajr ma kienu jafu d-diretturi ġenerali ta' dipartimenti tal-Gvern u saħansitra lanqas il-Kummissarju tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni. Għalhekk Prof. Cassola staqsa dwar min hu dan il-bniedem misterjuż li qed jagħmel dawn il-ħatriet sigrieti.

Il-Kelliem ta’ Alternattiva Demokratika Henrik Piski, sostna li f'Soċjetà Demokratika mhux aċċettabbli li istituzzjoni tal-Gvern titwaqqaf biex tiċċentralizza, tiġbor u żżomm informazzjoni dwar iċ-ċittadini mingħajr ma tieħu ċerti miżuri ta' sigurtà. Intqal li skandli bħal dak li seħħ riċentament fl-Amerika juru l-importanza li jiġi protett id-dritt tal-privatezza.