ALS Malta b’kunċert kbir f’Settembru

L-għaqda ALS Malta se tkun qed torganizza kunċert kbir f’Settembru biex tiġbor donazzjonijiet.

Fi stqarrija, ALS Malta qalet li se tkun qed tissieħeb ma’ Versatile Brass u artisti oħra lokali biex itella’ dan il-kunċert fl-1 ta’ Settembru fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.

Se jieħdu sehem il-Versatile Brass immexxija mill-Maestro Paul Borg flimkien ma’ Ivan Grech, Christabelle, Matthew James Borg, Amber, Glen Vella, Brooke, Pamela Bezzina, Christian Arding, Martina, Larissa, u Cliff Zammit Stevens.

The New Victorians se jiftħu l-ispettaklu u l-kunċert se jiġi fi tmiem permezz ta’ SOUND SALON x VERSATILE DJ Fusion Show. Se jieħu sehem LEX ta’ Sound Salon.

Il-flus li se jinġabru se jgħinu biex tinbena Dar Bjorn akbar.

Fuq l-istazzjon RTK, Bjorn Formosa, il-fundatur tal-Fondazzjoni ALS, kien qal li “meta tgħix għall-oħrajn, tkun iktar faċli li tgħix għalik innifsek”. Dwar Dar Bjorn, li tilqa’ fiha persuni b’kundizzjonijijet bl-ALS, Bjorn qal li d-dar infetħet bl-aktar tagħmir teknoloġiku riċenti.

Amyotrophic lateral sclerosis (ALS) hija marda li taffettwa nervaturi fil-moħħ u fl-ispina tad-dahar li jikkontrollaw il-movimenti muskolari volontarji.