ALPA: L-Air Malta b’nuqqas ta’ bdoti u tirrikorri għal dawk ‘stand-by’

L-Assoċjazzjoni tal-Bdoti tal-ajru qed tirrifjuta li tintuża bħala pedina għall-ineffiċjenza fit-tmexxija tal-Airmalta.

Fi stqarrija, l-ALPA qalet li filwaqt li tifhem u tħoss għall-inkonvenjent li ġarbu l-passiġġieri, tisħaq li din kienet akkumulazzjoni ta’ kawżi li assolutament ma jaqgħux taħt il-kontroll tagħha.

L-assoċjazzjoni saħqet li mhuwiex vijabbli l-mod li bih il-bdoti qed jiġu assenjati t-titjiriet. Spjegat kif il-kumpanija għandha nuqqas ta’ bdoti, u kull filgħodu qed ikollha tirrikorri għall-bdoti li jkunu fuq ‘stand-by’, bdoti li suppost jiddaħħlu meta l-bdot assenjat oriġinarjament jiġi indispost fl-aħħar mument.

Sostniet li dan kollu ġara wara li fil-bidu ta’ din is-sena ingħatat skema ta’ rtirar kmieni.

L-ALPA ssostni li għandha d-dubji tagħha kemm l-għadd ta’ bdoti li rrappurtaw sick ilbieraħ huwa verament dak li qed tikkwota l-kumpanija.

Tgħid ukoll li l-kumpanija qatt ma għadditilha l-informazzjoni.

ALPA tagħmilha ċara li mhux se tħalli min juża l-bdoti tal-kumpanija biex jgħatti l-iżbalji, tberbiq ta’ flus żejda u ineffiċjenza min-naħa tal-maniġment.