ALPA bi protest ġudizzjarju kontra l-Air Malta u l-Ministru għall-Ekonomija

air malta

Read in English.

L-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-piloti tal-Air Malta, ALPA, fetħet protest ġudizzjarju kontra l-linja nazzjonali tal-ajru Maltija, Air Malta u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.

Fi stqarrija, l-ALPA qalet li fetħet dan il-protest ġudizzjarju wara li l-management tal-Air Malta ddeċieda li jkeċċi 108 pilota. Il-protest ġudizzjarju, ffirmat mill-avukat Andre Portelli jgħid li l-Air Malta falliet milli tiddiskuti t-tkeċċija mal-ALPA u b’hekk l-azzjoni hija waħda illegali u li tikser id-drittijiet fundamentali tagħhom.

Fil-bidu ta’ April, l-Air Malta qalet li kienet se tkeċċi 108 piloti hekk kif ma ntlaħaqx ftehim mal-unjin dwar kif setgħu jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi waqt li dawn ma kellhomx xogħol x’jagħmlu. L-Air Malta bħalissa timpjega 134 pilota.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-piloti tal-Air Malta qalet li l-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Clifford Chetcuti, kien qed jirrifjuta milli jattendi għal laqgħat mal-ALPA. Qalet ukoll li l-kumpanija ma tatx raġuni għaliex Chetcuti rrifjuta l-laqgħa.

Il-battibekki bejn l-Air Malta u l-ALPA bdew wara li l-linja tal-ajru ħabbret li l-pandemija tal-coronavirus affettwat b’mod sostanzjali l-operat tagħha. Dan hekk kif hi issa qed tħaddem żewġ titjiriet kuljum kontra l-20 vjaġġ li kienet tagħmel ta’ kuljum qabel ma feġġet il-pandemija. L-Air Malta kienet qalet li hi offriet lill-unjins li jirrapreżentaw lill-piloti u lill-ekwipaġġ sabiex jaqblu fuq paga medja bbażata fuq il-pagi tal-ħaddiema tal-aħħar 12-il xahar sa massimu ta’ €1,200 bħala salarju bażiku għal dawk kollha li jaħdmu fil-kumpanija. Kemm jekk għandhom kuntratt definit jew indefinit, u anke jekk ifisser li dawn il-ħaddiem ma kienu se jkunu qed jagħmlu xejn ħlief li jibqgħu d-dar.

L-ALPA ma kinitx wieġbet għall-offerta tal-kumpanija u insistiet li l-linja tal-ajru kellha toħroġ b’aktar offerti. L-assoċjazzjoni kienet qalet ukoll li l-offerta ta’ Chetcuti li jieħu 70% inqas tal-paga tiegħu li taqbeż it-€300,000 ġiet wara pressjoni mill-ALPA u s-senior management ammetta mal-ALPA li kien ukoll qed jitħallas 10% inqas tas-salarju. Dan filwaqt li l-paga tal-piloti kienet qed tonqos b’90%.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar il-Ġimgħa, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri akkuża lill-ALPA li ppruvat tinfluwenza lill-management. ALPA sostniet li din l-attitudni min-naħa tal-gvern turi li m’hemm l-ebda intenzjoni mill-awtoritajiet biex jissalvagwardjaw ix-xogħolijiet tal-piloti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn