Aġġornata: Allura min huwa sid Egrant? – il-familja Caruana Galizia

Il-qraba tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalu li l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant għadha ma sabitx min hu s-sid veru tagħha filwaqt li l-Gvern wieġeb jgħid li l-familja tista’ tiċċara jekk kinitx taf bid-dokumenti foloz li sabet l-inkjesta.

Fi stqarrija maħruġa ġurnata wara li ġew ippublikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta, l-familja ta’ Caruana Galizia qalet li huwa perikoluż li wieħed jistenna li l-poplu Malti jaċċetta li qatt mhu se jkun jaf għal min twaqqfet il-kumpanija Egrant Inc.

“Fil-konklużjonijiet għar-rapport tal-inkjesta tiegħu, il-Maġistrat Bugeja ma jistax jgħid b’kunfidenza li l-Prim Ministru mhux ħati, l-anqas jista jgħid b’mod li ma jħalli l-ebda dubju li l-allegazzjoinjiet huma foloz peress li ma kienx kapaċi juri min huwa sid Egrant Inc., shell company anonima fil-Panama li m’għadhiex teżisti.”

Fi kliem il-qraba tagħha, Daphne Caruana Galizia ma kelliex fiduċja li r-rapport kien se jkun wieħed konklussiv hekk kif l-inkjesta damet diversi xhur aktar milli stenna l-Partit Laburista.

Il-qraba ta’ Caruana Galizia fakkru kif il-kumpanija Egrant twaqqfet fl-istess perjodu li twaqqfu l-kumpaniji sigrieti taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi – Tillgate Inc. u Hearnville Inc. Qalu li kieku ma kienx hemm il-każ tal-Panama Papers, l-ebda Maġistrat Malti ma kien ikun kapaċi jġib provi ta’ min huwa s-sid ta’ dawk il-kumpaniji. Żiedu jgħidu li l-unika raġuni għalfejn għad hemm mistoqsijiet dwar min huwa s-sid ta’ Egrant huwa minħabba li dan l-isem ingħata permezz ta’ Skype u mhux bil-miktub meta kienet qed tinfetaħ.

Fl-istqarrija, il-membri tal-familja Caruana Galizia qalu li l-verità dwar Egrant tista’ tinkiseb biss minn investigazzjoni f’Konrad Mizzi, Keith Schembri, u Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT flimkien mal-ħaddiema ta’ Pilatus Bank.

Skont il-qraba tal-ġurnalista assassinata, għad hemm tliet mistoqsijiet prinċipali:

  1. Għalfejn Muscat għadu ma keċċiex lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi?
  2. Għalfejn Muscat għadu qed juża’ l-kumpanija ta’ Brian Tonna għal xogħol tal-Gvern?
  3. Għalfejn Muscat mhux interessat li jiskopri min huwa l-veru sid tal-kumpanija Egrant?

Il-qraba fakkru wkoll f’dak li qal Brian Tonna s-sena l-oħra, jiġifieri li kien is-sid ta’ Egrant Inc. Żiedu jgħidu li l-inkjesta Maġisterjali ma kkonfermatx dak li qal Tonna.

Qalu wkoll li r-rapport sħiħ għadu ma ġiex ippublikat minkejja li l-Prim Ministru għandu kopja.

Reazzjoni tal-Gvern

F’reazzjoni qal dak li qalet il-familja Caruana Galizia, il-Gvern qal li r-rapport tal-inkjesta ma jħalli l-ebda dubju li l-allegazzjonijiet dwar il-Prim Ministru u martu kienu foloz u fabbrikati.

Skont il-Gvern, il-fatt li l-familja ma tikkontestax li kien hemm dokumenti li ġew iffalsifikati tfisser li jaċċettaw il-konklużjoni li xi ħadd iffalsifika d-dokumenti li Caruana Galizia użat għall-artikli tagħha. Il-Gvern żied jgħid li “l-familja tista’ tgħin billi tiċċara jekk kinitx taf dwar dan.”