#AllLivesMatter – Għexieren b’appell biex ma jintilfux il-ħajjiet

Read in English.

Għexieren ta’ persuni qed jappellaw lill-Gvern Malti u lill-Unjoni Ewropea sabiex ma jkunux huma l-kaġun għaliex għexieren ta’ persuni jitilfu ħajjithom fuq il-baħar.

Facebook dalgħodu sebaħ b’inizjattiva ta’ għexieren ta’ persuni li tellgħu ritratt tagħhom iżommu karta fejn fuqha hemm żewġ appelli f’forma ta’ hashtags #DontLetThemDrown u #AllLivesMatter.

Kien propju d-Direttur tal-Fondazzjoni Aditus, Neil Falzon, li beda din il-kampanja online. Hu appella biex kull min itella’ r-ritratt tiegħu jittagja wkoll il-paġni ta’ Facebook tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.

Kemm Malta, kif ukoll l-Italja, għalqu l-portijiet tagħhom għall-immigranti li qed ifittxu ażil u li qed jaħarbu mil-Libja tagħhom permezz ta’ dgħajjes. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern Malti ħa d-deċiżjoni li ma jaċċettax iżjed immigranti fil-Gżejjer Maltin minħabba l-imxija tal-coronavirus. Grupp ta’ 70 immigrant li ddaħħal il-ġimgħa li għaddiet kellu jkun l-aħħar wieħed.

Minkejja dan, għad hemm dgħajjes oħrajn bl-immigranti fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Waħda mill-erba’ dgħajjes li qed iġorru persuni li qed ifittxu l-ażil inqalbet fi triqitha lejn l-Ewropa. Fi tweet, Sea Watch li hija waħda mill-għaqdiet li jsalvaw il-ħajjiet, qalet li l-Frontex sabu l-erba’ dgħajjes li aktarx kienu l-istess li kienu għamlu kuntatt ma’ Alarm Phone aktar kmieni. Waħda minn dawn id-dgħajjes kienet maqluba mingħajr ebda persuna fuqha. Għadu mhux magħruf kemm-il persuna kien hemm abbord.

Aktar minn 300 akkademiku qed jappellaw lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri Ewropej biex jiftħu l-portijiet u jassumu parti mir-responsabbiltà għar-refuġjati u l-immigranti li jiġu salvati f’nofs ta’ baħar. Intant, l-għaqda mhux governattiva Repubblika rreaġixxiet għall-indirizz lin-nazzjon tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo li lbieraħ ħabbar li l-Gvern se jkun qed jinsisti mal-UE biex tibda missjoni umanitarja fil-Libja. Repubblika saħqet li Bartolo, fl-ebda mument ma għamel referenza għas-sitwazzjoni gravi li qed tiżvolġi fl-ibħra viċin Malta, fejn għadd ta’ immigranti fuq diversi dgħajjes qegħdin f’periklu imminenti li jitilfu ħajjithom.

Peppi Azzopardi, fuq inizjattiva personali, qed iniedi inizjattiva biex familji Maltin, għal dan il-perjodu li għaddejjin minnu, jilqgħu għandhom id-dar, familji ta’ immigranti li bħalissa jinsabu bejn sema u ilma. Peppi Azzopardi kiteb lill‑Prim Ministru biex jgħidlu li “diversi familji lesti jieħdu sehem f’din l‑inizjattiva u b’hekk tonqos il-pressjoni minn fuq l-Istat Malti”.

Ftit wara segwiet bl-istess appell il-Membru Parlamentari Marlene Farrugia.

Intant ilbieraħ, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Knisja lesta tgħin lill-migranti li jiġu salvati mill-baħar. Fuq Twitter, Mons. Scicluna qal li l-Knisja se tkompli tagħmel dak li ilha tagħmel is-snin. Iddeskriva s-sitwazzjoni bħala eżami għall-umanità u l-ospitalità ta’ Malta. Appella lin-nies biex ma jfallux l-eżami. Qal li “Malta” tfisser “port sigur”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn