Alli jaf is-suċċess tiegħu għal Pochettino

Il-plejer ta’ nofs il-grawnd ta’ Tottenham Hotspurs Dele Alli  sostna illi l-kowċ preżenti Mauricio Pochettino kellu effett kbir fuq il-karriera tiegħu.
Il-plejer internazzjonali Ingliż ta’ 21 sena kien prominenti s’issa kemm mal-klabb kif ukoll mat-tim nazzjonali hekk kif minbarra li skorja tliet gowls f’10 partiti milgħuba tal-kampjonat, huwa pprovda diversi assist lil sħabu li ssarrfu f’gowls.
Min-naħa l-oħra Alli ma naqasx illi jsemmi d-dro diżappuntanti ta’ 1-1 f’darhom kontra West Bromwich Albions ilbieraħ wara nofsinhar.
“Ma tantx konna attenti f’din il-logħba u bla dubju li huwa riżultat ferm diżappuntanti. Irridu naħtfu l-okkażjonijiet illi jiġuna ħalli nevitaw riżultati bħal dawn,” stqarr Alli.
Tottenham sabu ruħhom gowl minn taħt wara li Jose Solomon Rondon kien poġġa lill-Baggies fil-vantaġġ sabiex is-solitu Harry Kane ġab l-iskor indaqs għall-Ispurs.