Allegri ppreżentat mill-klabb Juventin

Għadha lif intemmet il-konferenza stampa fis-sede tal-klabb ta’ Juventus, bil-preżenza ta’ Giuseppe Marotta li hu d-Direttur Ġenerali u Massimiliano Allegri l-kowċ il-ġdid Juventin.
Fetaħ Marotta billi qal li fi ftit sigħat ingħalaq kapitlu ta’ suċċess u mill-ewwel infetaħ ieħor.
Kompla billi qal li Allegri kull fejn kien, dejjem kien kowċ rebbieħ u għandu l-kredenzjali kollha denji biex jieħu post Antonio Conte.
Minn naħa tiegħu Allegri wera li hu lest li jibda jaħdem mil-lum stess u jħossu ferm kuntent li minn għada se jibda jaħdem teknikament fit-tim Juventin.
Allegri fisser li din l-għajta kienet għalih bħal sajjetta fil-bnazzi.
Għaldaqstant jaf li l-Juventus huwa klabb b’passat ta’ suċċessi u li hu se jaħdem biex il-preżent u l-futur ikunu wkoll ta’ suċċess.
Allegri qal ukoll li huwa xxurtjat li f’ħames snin, kien il-kowċ tal-Milan u issa wara nuqqas ta’ sitt xhur se jkun il-kowċ tal-Juventus.
Meta mistoqsi dwar ix-xettiċiżmu tal-partitarji Juventini, huwa fehem li Conte kien ifisser ħafna għalihom mhux biss bħala kowċ.
Għalhekk Allegri se jwieġeb għal dan ix-xettiċiżmu billi jġib riżultati tajbin u jtejjeb il-qagħda tal-klabb Juventin.
Marotta tkellem ukoll dwar il-laqgħa li kellu lbieraħ ma’ Conte u d-diriġenti Juventini ppruvaw li jżommuh fi ħdan il-klabb Juventin.
Iżda Conte kien diġa wera x-xewqa li jieqaf bħala kowċ tal-Juventus.
Marotta żied jgħid li għall-kuntrarju ta’ dak li ħareġ aktar kmieni, Conte ma waqafx minħabba nuqqas ta’ ftehim dwar it-trasferimenti tal-plejers.
Marotta ċaħad ukoll dak li ntqal dwar Arturo Vidal, għax huwa għadu plejer Juventin u m’hemm l-ebda ħsieb li jitneħħa mill-iskwadra.
Dwar ir-relazzjoni bejn Allegri u l-plejer Andrea Pirlo, il-kowċ il-ġdid Juventin saħaq li hemm relazzjoni tajba bejniethom u huwa ħerqan li wara tliet snin se jerġgħu jaħdmu flimkien ma’ Juventus.
Fl-aħħarnett Allegri għalaq billi qal, li se jkompli fuq it-tliet snin ta’ suċċessi li kellu Conte, se jaħdem bis-sħiħ biex iġib ir-raba’ kampjonat konsekuttiv u li l-Juventus ikollhom riżultati tajbin fiċ-Champions League.