Membru tal-istaff tal-iskola primarja tas-Sacred Heart bil-covid

Aġġornat 03:06 PM
children-going-to-school
Miguela Xuereb

Read in English.

Membru tal-istaff tal-Iskola primarja tas-Sacred Heart ħarġet pożittiva għall-coronavirus.

Komunikat li ntbagħat lill-ġenituri u li wasal għand Newsbook.com.mt jispjega li ttieħdu l-miżuri neċessarji kollha ta’ mitigazzjoni fejn persuni li ġew f’kuntatt ma’ dan il-membru tal-istaff tpoġġew fi kwarantina mandatorja.

Assiguraw lill-ġenituri li l-iskola qed tagħmel minn kollox biex is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti jkunu garantiti.

Aktar każi fi skejjel oħrajn – UPE

Il-UPE – Voice of the Workers ħabbret aktar allegati każi ta’ coronavirus. Dawn jinkludu:

  • Membru tal-istaff ta’ Our Lady Immaculate School fil-Ħamrun.
  • Student tat-tieni sena fil-iskola taċ-Chiswick.
  • Student mill-iskola St Benild’s.

Aktar kmieni l-union irrappurtat allegat każ ta’ coronavirus fi skola f’Birkirkara, madanakollu kkonfermat aktar tard li l-informazzjoni li ngħatat hemm kienet żbaljata. Saħansitra, il-post fuq Facebook dwar dan l-allegat każ tneħħiet.

Il-President tal-UPE – Voice of the Workers Graham Sansone qal ma’ Newsbook.com.mt li huma se jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni u se jkunu qed jagħtu l-pożizzjoni tagħhom dwar dawn l-iżviluppi fil-jiem li ġejjin.

L-union ilha tirrapporta każi tat-tip jum wara jum fi skejjel differenti. Hi kienet kritika ħafna għall-ftuħ tal-iskejjel u sostniet li ma sarux il-preparamenti neċessarji u t-taħriġ kollu neċessarju biex ikun hemm mitigazzjoni sħiħa għall-firxa tal-virus. B’rabta ma’ dan, fl-aħħar jiem ħarġet anke xi direttivi.

Il-UPE – Voice of the Workers ħarġet direttivi għall-għalliema peripatetiċi, jiġifieri dawk l-għalliema li jgħallmu suġġetti bħall-mużika u l-arti, li jkollhom imorru minn klassi għall-oħra fil-primarja. Dan peress li dawn l-għalliema qegħdin jitqiegħdu f’sitwazzjoni fejn jintalbu jieħdu ħsieb klassi mingħajr ebda preparazzjoni, u mbagħad jiġu evalwati fuq xogħol li qatt m’għamlu jew qatt ma tħarrġu fih.

Apparti din is-sitwazzjoni, il-UPE ħarġet direttivi wkoll lill-edukaturi li jgħallmu fl-iskola sekondarja tal-Kulleġġ St Thomas More fiż-Żejtun peress li dawn qed jintalbu jgħallmu ġo sala li nqasmet ġo tliet partijiet biex jiġu mgħallma tliet klassijiet fl-istess ħin.