Aġġornata: Allegat li Dr Toni Abela ipprova jinfluwenza lill-Pulizija

Raġel akkużat bl-involviment tiegħu fi ġlieda ma’ kunsillier allega li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela għamel pressjoni fuq il-Pulizija biex ma jitressqux akkużi kontrih u kontra persuna oħra. Dan għaliex, skont l-allegazzjoni, il-każ kien se jattira ħafna attenzjoni mill-mezzi tax-xandir.

Richard Vella minn Ħ’Attard, li kien jieħu ħsieb bar tal-Partit Laburista fl-istess lokalità, huwa akkużat li kien involut fi ġlieda kontra l-kunsillier Laburista John Bonnici.

Skont stqarrija ta’ Vella lill-Pulizija, li nqrat fil-Qorti dalgħodu, Dr Abela qal lill-uffiċjal tal-Pulizija Laburist sabiex ma jittieħdux passi.

Vella qal li Dr Abela bagħatlu ittra biex jinfurmaħ li ma setax jidħol aktar fil-bar u li ma kienx għadu membru tal-kumitat. Meta numru ta’ persuni marru għand Dr Abela sabiex jitkellmu f’isem Richard Vella, id-Deputat Mexxej qal li kien prova jikkonvinċi lill-Pulizija ma jieħdux passi. Dan id-diskors ta’ Dr Abela kien irrekordjat.

Iż-żewġt irġiel tressqu l-Qorti xhur wara.

Intant f’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Abela ċaħad b’mod kategoriku dak li allega l-barman tal-każin ta’ Ħ’Attard. Saħaq li huwa dejjem għamel dak li seta biex iżomm l-ordni.

Kompla jgħid li l-allegazzjonijiet qed isiru sabiex titħammiġlu r-reputazzjoni.

Mistoqsi minn Newsbook, Dr Abela qal li Richard Vella ma kienx ta’ min jafdaħ minħabba allegazzjonijiet li kien hemm xi armi illegali li daħlu fil-bar li kien imexxi.

Qal li ħass li ma setax iħalli lil Vella membru tal-kumitat .
Dwar ir-recording li Vella qal li għandu, Dr Abela wieġeb li jista’ jkun li Vella għandu recordings li qed jiġu interpretati ħażin.