Aġġornata: Allegazzjonijiet Ċittadinanza: Il-PN jitlob għal investigazzjoni mill-PAC

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-partit se jkun qed jitlob lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex jinvestiga l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Delia ħabbar dan quddiem il-bini tal-parlament. Fakkar fl-investigazzjoni li għamlu ġurnalisti barranin fejn żvelaw li avukati mid-ditta legali Chetcuti Cauchi Advisors Ltd kienu qed jiftaħru bl-aċċess u l-kuntatti li għandhom ma’ ministri tal-Gvern.

Fi kliem Delia hija korruzzjoni pura meta wieħed jixtri favuri jew il-poter.

Fakkar li l-PN diġà talab biex l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza tiġi sospiża u biex jiġi investigat l-bejgħ tad-ditta legali involuta. Il-PN talab ukoll biex jiġu investigati dawk il-persuni li ssemmew fir-rappurtaġġ tal-ġurnalisti.

Issospendu u investigaw il-bejgħ taċ-ċittadinanza – PN

“Spiċċa jivvinta waħda ġdida kuljum” – PL

F’reazzjoni l-Partit Laburista qal li Delia spiċċa jivvinta waħda ġdida kuljum għax m’għandux x’jgħid.

“L-aħħar mossa ta’ Delia hi dik li jitlob il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jiddiskuti s-suġġett. Il-Partit Laburista m’għandu ebda diffikulta jsir dan fil-mument opportun.”

Il-Gvern Malti qed jiċħad l-allegazzjonijiet “li saru minn terzi persuni” waqt il-programm investigattiv Franċiż Enquête exclusive, fejn żewġ aġenti Maltin tal-bejgħ taċ-ċittadinanza ftaħru dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ ministri tal-Gvern, saħansitra mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Allegazzjonijiet Ċittadinanza: Il-Gvern jirribatti

Fi stqarrija l-PN qal li fl-aħħar sigħat, il-midja żvelat filmat promozzjonali li ntużaw minn din id-ditta, li partijiet ġie ffilmjat ukoll fil-kamra fejn issoltu jiltaqa’ l-Kabinett u li fih jidhru s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, l-Kap Eżekuttiv tal-IIP Jonathan Cardona u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Residency Visa Agency Roderick Cutajar fost l-oħrajn.

Filmat: Facebook – Adrian Delia