Allegazzjonijiet Ċittadinanza: Il-Gvern jirribatti

Il-Gvern Malti qed jiċħad l-allegazzjonijiet “li saru minn terzi persuni” waqt il-programm investigattiv Franċiż Enquête exclusive, fejn żewġ aġenti Maltin tal-bejgħ taċ-ċittadinanza ftaħru dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ ministri tal-Gvern, saħansitra mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Filwaqt li stqarr li b’effett immedjat l-Aġenzija tal-Gvern li tirregola l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (MIIPA), issospendiet il-liċenzja tal-aġent Chetcuti Cauchi Advisors Ltd, “minħabba tixrid ta’ informazzjoni qarrieqa”.

Il-Gvern qal li huma bla bażi l-allegazzjonijiet li jagħlaq għajnejh f’xi stadju tal-proċess li bih tingħata ċ-ċittadinanza.

X’inhu l-proċess?

Skont il-Gvern:

  • Il-Programm taċ-Ċittadinanza huwa mfassal b’mod li l-politiċi ma jistgħux jinterferixxu mal-applikazzjonijiet.
  • Is-sistema hi rigoruża u għandha proċess trasparenti, li jiġi skrutinizzat minn Regolatur Indipendenti.
  • L-MIIPA kull applikazzjoni fuq erba’ livelli, irrispettivament mill-informazzjoni li jkun issottometta l-aġent.
  • L-MIIPA mbagħad tippreżenta lista ta’ dokumenti b’rakkomandazzjonijiet għar-rifjut jew l-approvazzjoni tal-Ministru responsabbli. Ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati biss fuq ir-rapporti ta’ due diligence.

19% tal-applikazzjonijiet tal-kumpanija ġew irrifjutati

Fi stqarrija l-Gvern kompla jisħaq li l-impressjoni li ngħatat li xi aġenti jgawdu minn trattament speċjali hija waħda qarrieqa. Fisser li filwaqt li l-kumpanija inkwistjoni allegat li r-rata ta’ suċċess tagħha hi 100%, irriżulta li 19% tal-applikazzjonijiet tagħha ġew irrifjutati.

L-MIIPA talbet lir-Regolatur biex janalizza d-dokumenti kollha sottomessi mill-aġent u biex temporanjament twaqqaf l-applikazzjonijiet li għandu pendenti.

La Bonnici, la Farrugia Portelli u lanqas Muscat

Il-Gvern ċaħad ukoll l-allegazzjonijiet li l-Ministru Owen Bonnici, il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli kellhom rabtiet mal-kumpanija.

Fisser li Bonnici qatt ma kien impjegat jew kellu xi rabtiet mal-kumpanija, filwaqt li l-ħbiberija ta’ Farrugia Portelli ma’ wieħed mill-imsieħba tal-kumpanija jmur lura 32 sena meta kellha 10 snin u kienu fl-istess klassi u jużaw l-istess trasport tal-iskola. Anke l-Prim Ministru kien jattendi l-istess skola u juża l-istess trasport mal-persuna intervistata.

Il-ġurnalisti Franċiżi f’Malta x-xahar li għadda

L-istqarrija tal-Gvern tirrimarka li x-xahar li għadda, ġurnalisti Franċiżi talbu intervista ma’ uffiċjali tal-Gvern Malti, u semmew li uffiċjal ta’ kumpanija legali għamel allegazzjonijiet ta’ rabtiet ma’ membri tal-Gvern.

Madanakollu, il-Gvern jgħid li waqt l-intervista ma’ Farrugia Portelli, li damet madwar 16-il minuta, lis-Segretarju Parlamentari ma staqsewhiex dwar din l-allegazzjoni. Spjega li dan meta kellhom l-opportunità li jsaqsuha, u li din kienet ir-raġuni li riedu jagħmlu l-intervista.

Fl-istess programm, jidher filmat li juri żewġt irġiel jeqirdu l-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u jgħajru lil ħutha preżenti.