Rapporti li Facebook qed jisma’ t-telefonati fuq Messenger

Facebook qed jissemma fuq it-telefonati li jsiru fuq in-netwerk soċjali?
Uffiċjal eżekuttiv ta’ Facebook ċaħad kategorikament l-allegazzjoni li n-netwerk soċjali juża l-microphone tal-apparat li jkun qed jintuża biex issir it-telefonata biex jisma’ dak li jintqal bejn l-utenti biex ikun jista’ jibgħat riklami assoċjati ma’ dak li jkun intqal.
Rob Golden, il-Viċi President responsabbli mir-riklamar li jsir fuq Facebook, qal dan b’reazzjoni għal tweet li saritlu mill-preżentatur tal-podcast ‘Reply All’.
Ħafna nies irrappurtaw li raw riklami fuq Facebook relatati ma’ dak li jkun intqal waqt telefonata privata li jkunu għamlu minn fuq Messenger.
F'każ partikolari utent li jaħdem bħala barista qal li ħaraq idu fuq il-post tax-xogħol u ċempel ħabib biex qallu xi ġralu u staqsieh x'jissuġerilu li jagħmel biex jgħaddilu.
Kompla biex sostna li mar f'ħanut u xtara krema apposta biex idewwi l-ġerħa u li kif daħal fuq Facebook sab riklam tan-netwerk soċjali tal-istess krema li kien għadu kemm xtara.