Allegatament traffikaw id-droga fi Pjazza San Franġisk

Il-Pulizija arrestaw żewġ persuni b’konnessjoni ma` bejgħ ta’ droga. Huma kienu allegatament jittraffikaw id-droga fi Pjazza San Franġisk, fir-Rabat, Għawdex.

Raġel minnhom huwa residenti l-Fontana u għandu 45 sena, filwaqt li r-raġel l-ieħor huwa Taljan ta’ 29 sena. Huma ġew arrestati l-Ħamis li għadda.

Waqt tfittxija fuq ir-raġel ta’ 45 sena, instabet sustanza allegatament eroina mqassma f’diversi pakketti lesta biex tiġi traffikata, filwaqt li fir-residenza tiegħu nstabet ammont ta’ droga suspettata kokaina flimkien ma` affarijiet oħra relatati mal-abbuż tad-droga.

Ir-raġel ta’ 29 sena instab fil-pussess t’ammont ta’ ħaxixa tal-kannabis lesta biex tiġi traffikata. Waqt tfittxija fir-residenza tiegħu instabu aktar pakketti bl-istess droga kif ukoll xi żerriegħa tal-pjanta tal-kannabis u affarijiet relatati mal-ikkultivar ta’ din il-pjanta.