Allegata serqa ta’ €10,000 waqt konferenza tal-istudenti

Qed jiġi allegat li nsterqu €10,400, waqt konferenza internazzjonali li saret f’Malta f’Marzu li għadda u li għaliha attendew eluf ta’ studenti tal-mediċina minn madwar id-dinja.
Il-konferenza kienet organizzata mill-Federazzjoni Internazzjonali għall-Assoċjazzjonijiet tal-Istudenti tal-Mediċina (IFMSA) li l-fergħa tagħha f’Malta hi l-Għaqda Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina (MMSA).
Il-parteċipanti tal-konferenza kienu joqogħdu f’żewġ lukandi ewlenin f’Buġibba.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt il-flus insterqu minn sejf fejn kienu qed jinżammu.  Jidher li l-flus kienu għadhom kemm inġabru mill-għaqdiet kif ukoll mill-bejgħ ta’ prodotti biex il-Federazzjoni tkun tista’ tifdi l-bżonnijiet ta’ kuljum.
Hu mifhum li l-€10,400 kienu kollha fl-istess sejf, imqassmin f’envelopps differenti.