Allegat pushback ta’ 100 immigrant għal-Libja; L-NGOs b’appell

Read in English.

Tliet NGOs ingħaqdu flimkien f’appell lill-awtoritajiet sabiex ma jagħmlux pushback tal-immigranti lejn il-Libja. Dan peress li saru allegazzjonijiet li Malta hija parti minn pushback illegali ta’ aktar minn 100 immigrant.

L-għaqdiet aditus, Integra u s-Servizz tar-Refuġjati tal-Ġiżwiti f’Malta fakkru li jekk in-nies li jkunu ħarbu mil-Libja jirritornaw, dawn se jaffaċċjaw ksur tad-drittijiet umani, se jiġu ttorturati u jkollhom jgħixu f’kundizzjonijiet inumani, bħall-iskjavitù.

L-għaqda Sea-Watch qalet li ntlemħet dgħajsa tal-Gwardja tal-Kosta Libjana fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Fit-tweet tagħha, Sea-Watch qalet li kien hemm 20 persuna abbord, u kienet riesqa lejn dgħajsa b’90 persuna oħra abbord. Sea-Watch allegat li qed titħejja pushback illegali fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.

L-istqarrija tal-NGOs tkompli tgħid li mhuwiex aċċettabbli li Malta tikkunsidra li tipparteċipa f’affarijiet bħal dawn biex tnaqqas in-nies li jiddaħħlu Malta. Huma fakkru li r-responsabbiltà ta’ Malta hija li nies f’diffikultà fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija jingħataw l-għajnuna sabiex jiddaħħlu f’port sigur.

Filwaqt li appellaw lill-awtoritajiet Maltin biex jevitaw li jibagħtu lill-immigranti lura f’post fejn se jiġu ttorturati, l-NGOs ingħaqdu mal-awtoritajiet fl-appell tagħhom lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi għajnuna aħjar lil Malta biex tkun tista’ twettaq l-obbligi tagħha u ssalva lil dawn in-nies.