Allegat li mħallef ieħor kellu ‘atteġġjament stramb’

Illum kompla jinstema l-każ tal-allegat tixħim tal-imħallef Ray Pace, bix-xhieda prinċipali tkun dik ta’ Darren Desira.

Desira kien l-allegat vittma ta’ korruzzjoni bejn l-ex imħallef Ray Pace, u żewġ persuni oħra li riedu jinfluwenza is-sentenza ta’ ħabs ta’ Darren Desira.

Fix-xhieda tiegħu, Desira jallega li l-imħallef Lawrence Quintano li tah is-sentenza, kien influwenzat mill-imħallef Ray Pace.

Hu qal kif waqt il-każ tiegħu, innota atteġġjament stramb mill-imħallef, li ma kienx jidher attent għal dak li kien qed jintqal.

Sostna kif l-imħallef Quintano m’aċċettax li jitressaq xhud ieħor għad-difiża ta’ Desira, u li beda’ jittewweb u ma jagħtix kas x’kien qed jgħid l-akkużat.

Fix-xhieda tiegħu, Darren Desira kompla jgħid li beda jissuspetta b’tixħim meta sar jaf minn Sandro Psaila u Raymond Caruana, li huma akkużati ta’ tixħim lill-imħallef Ray Pace, dwar kemm se jeħel priġunerija qabel ma’ ngħatat is-sentenza.

Desira qal kif Sandro Psaila kien diġa jaf id-data ta’ meta kienet se tingħata s-sentenza, avolja hu kien għadu ma’ nforma lil ħadd dwar dan.

L-avukati Joe Mifsud u Stefano Filletti qed jidhru għall-imħallef Ray Pace, u oġġezzjonaw li Desira jixhed għax qalu li dan mhux vittma, għaliex l-imħallef Lawrence Quintano mhux qed jaffaċja xi akkużi.

Qalu li b’hekk m’hemm l-ebda dubju fil-kredenzjali ta’ Quintano. Madankollu, l-avukati għal Desira rrimarkaw li m’humiex konvinti minn dan.