Allegat li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Libjan jinsab mistoħbi f’Malta

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Libjan, Saddek Omar Elkaber ilu f’Malta dawn l-aħħar xhur.
Kif irrappurtat il-gazzetta Libjana, The Libya Herald, kien id-Deputat Ministru għall-Finanzi Libjan, Maraja Ghait li żvelat dan waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fil-Kamra tar-Rappreżentanti Libjana.
Fix-xhur li għaddew, l-eks Prim Ministru Abdullah Al-Thinni kien akkuża lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Libjan, li kien qed jostakola pagamenti li għalihom kien hemm il-fondi.
Mal-istazzjon televiżiv Al-Nabaa, Thinni kien akkuża lil Elkaber li kien qed iġib ruħu qisu l-Gvernatur tal-Libja u mhux tal-Bank Ċentrali.
Elkaber kien ukoll talab li jitkellem fil-Parlament Libjan biex iwieġeb għall-akkużi li sarulu, iżda ġara li Thinni rriżenja f’April li għadda u maż-żmien beda jfeġġ l-inkwiet fost il-gruppi militanti f’dan il-pajjiż.
Gazzetti Libjani kienu rrappurtaw li Elkaber ma’ baqax jissemma f’dawn l-aħħar ġimgħat.
The Libya Herald irrapporta kif fi kliem id-Deputat Ministru Ghait, Elkaber jinsab maħrub f’Malta.
Ghait qalet dan waqt is-seduta tal-10 ta’ Awwissu.
Mhux eskluż li Elkaber jista’ jkun il-persuna ta’ nazzjonalità Għarbija li fix-xhur li għaddew kien qed jingħata l-protezzjoni mill-Gvern Malti f’appartament fix-Xemxija.
Meta kienet ħarġet din l-aħbar kien issemma l-eks Prim Ministru Libjan, Ali Zeidan iżda l-Gvern Malti kien pront jiċħad li l-persuna li kienet qed tingħata l-protezzjoni kienet filfatt Zeidan.
Wara li fil-midja lokali dehru bosta rapporti dwar il-protezzjoni li qed tingħata lil din il-persuna, l-appartament li kien mgħasses ġie evakwat.