Il-UPE tirrapporta s-sejba ta’ 5 edukaturi pożittivi għall-coronavirus

Aġġornat 08:46 AM
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Union għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qalet li ġiet infurmata b’diversi allegati każi ta’ edukaturi li ħarġu pożittivi għall-coronavirus matul il-jum tal-lum. Dawn il-każi ġejjin minn skejjel f’Ħad Dingli, Birkirkara, Blata l-Bajda u Ħal Qormi.

Id-dettalji tal-każi skont il-UPE:

  • Każ ta’ coronavirus fl-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli. Din tagħmel parti mill-Kulleġġ San Nikola.
  • Edukatur minn waħda mill-istaff rooms tal-iskola sekondarja f’Ħal Qormi li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Injazju.
  • Żewġ każi li ġejjin mill-Middle School ta’ Blata l-Bajda li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca.
  • Każ ieħor instab fil-Middle School ta’ Birkirkara li tagħmel parti mill-Kulleġġ Santa Tereża. Jidher li l-edukatur jaħdem f’żewġ skejjel madankollu l-isem tat-tieni skola mhux ikkonfermata.

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-union qalet li hemm wisq persuni li qed jispiċċaw infettati fi żmien qasir minħabba l-ftuħ tal-iskejjel. Jidher li l-persuna pożittiva kien edukatur, hekk kif l-union xtaqet il-fejqan ta’ malajr lill-edukatur.

Propju lbieraħ, il-UPE Voice of the Workers irrappurtat li taf b’erba’ każijiet pożittivi f’erba’ skejjel differenti. L-iskejjel ilhom magħluqa minn meta feġġet il-pandemija tal-Covid-19 f’Malta f’Marzu li għadda.

Dan ftit jiem bogħod minn meta l-iskejjel tal-Knisja u tal-Istat se jkunu qed jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom għall-istudenti.

Fi stqarrija mibgħuta aktar tard, l-istess union qalet li tinsab imħassba minħabba li wara ġimgħa biss mill-ftuħ tal-iskejjel daħlu notifiki ta’ allegati każi f’numru ta’ skejjel. Intant, illum kien ikkonfermat mill-awtoritajiet tas-saħħa li kien mill-persuni li nstabu pożittivi u kienu mħabbra lbieraħ hemm seba’ edukaturi u student.

Aktar dwar l-aħħar żviluppi:
57 każ ġdid ta’ coronavirus; 12 ifiqu

Il-UPE qalet li qed tisma’ t-tħassib tal-edukaturi u sostniet li dan huwa reali u tanġibli. Sostniet li b’numru baxx ta’ għalliema preżenti fl-iskejjel, diġà bdew ħerġin il-każijiet pożittivi. Sostniet li wieħed iżomm informazzjoni importanti ‘l bogħod mill-għajn tal-pubbliku m’għandux isir. Irrimirkat li tinsab ixxukkjata kif il-ministeru għadu ma rax bħala neċessità li jiddaħħal pjan alternattiv għall-edukazzjoni: it-taħriġ online.

L-Union talbet lill-Ministeru biex jikkunsidra mill-ġdid il-ftuħ tal-iskejjel u biex jinvesti fi strateġija alternattiva li tissalvagwardja lill-edukaturi, waqt li l-edukaturi għadhom f’saħħithom u disponibbli. “Jekk l-affarijiet ikomplu sejrin hekk, bin-numru tal-edukaturi diġà baxx ħafna, iċ-ċertezza li l-għalliema qed jimirdu u se jkomplu jimirdu se twassal biss għal konklużjoni diżastruża: li ma jkunx hemm edukaturi biżżejjed biex jieħdu ħsieb it-taħriġ online li qed nipproponu li għandu jiddaħħal,” qalet il-UPE.

Il-Gvern qed ifalli milli jieħu l-pandemija b’serjetà – MUT

Fid-dawl tal-Jum Dinji tal-Għalliema, l-Union Maltija għall-Għalliema (MUT) qalet li l-Gvern qed ifalli milli jieħu l-pandemija bis-serjetà. Sostniet li l-Gvern mhux qed jieħu pożizzjoni f’saħħitha fejn jidħlu l-introduzzjoni ta’ miżuri restrittivi u mhux jassigura li dawn ikunu infurzati. L-MUT talbet biex il-Gvern isaħħaħ il-miżuri u l-infurzar tagħhom.

Fl-istqarrija tal-lum, l-MUT qalet li l-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà tal-konsegwenzi kollha li se jġib miegħu l-ftuħ tal-iskejjel f’perjodu fejn il-firxa tal-virus fil-pajjiż hija waħda għolja. Qalet li se tkun qed iżżomm lill-Gvern responsabbli ta’ kull nuqqas li jista’ jseħħ.

L-union insistiet li l-Gvern ma kienx ippreparat biex jiftaħ l-iskejjel. Sostniet li l-iskejjel se jkunu qed jiftħu grazzi għall-ħidma tal-edukaturi li malli ħarġu l-protokolli immedjatment bdew il-ħidma biex jissalvagwardjaw l-istudenti. L-MUT qalet li qed tistenna lill-Gvern jammetti li l-iskejjel qed jiftħu grazzi għax-xogħol tal-edukaturi.

Insistiet li qed tistenna lill-Gvern ikollu l-proċeduri ta’ komunikazzjoni f’posthom biex jinforma lill-edukaturi affettwati, student u ġenituri biex jassiguraw li jittieħdu l-miżuri neċessarji.

Irrimarkat ukoll li mhux se taċċetta li l-edukaturi jkunu mistennija jagħmlu l-mirakli fl-iskejjel meta hemm limitazzjonijit ibbażati fuq riżorsi umani disponibbli li tkabbru aktar mill-pandemija.

L-għalliema jistħoqqilhom rispett bil-fatti kuljum u mhux bil-paroli – PN

Intant, fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista fil-Jum Dinji għall-Għalliema, Clyde Puli sellem lill-għalliema u lit-timijiet tat-tmexxija tal-iskejjel kollha f’dan iż-żmien ta’ sfida. Qal li l-għalliema jistħoqqilhom rispett bil-fatti kuljum u mhux bil-paroli biss għaliex matul is-snin u fl-aħħar xhur waqt il-pandemija wrew is-sens ta’ dedikazzjoni u professjonalità.

Qal li l-għalliema ma’ kienx jistħoqqilhom kliem li jonqoshom mir-rispett jew botti mill-Ministru li jnaqqsilhom mill-integrità tagħhom mal-pubbliku. 

Spjega li l-għalliema huma professjonisti u protagonisti ewlenin tal-edukazzjoni u għaldaqstant għandhom jitqiesu bħala stakeholders importanti f’kull deċiżjoni li tikkonċerna l-edukazzjoni. “Rispett bil-fatti jfisser li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ma’ jistax jibqa jimxi għal rasu u jinjora lill-għalliema fid-deċiżjonijiet li jieħu f’dan il-qasam daqstant importanti,” insista Puli.