Allegat ħtif Għadira: Il-każ għadu miftuħ

Minkejja li rapporti fil-midja qed jgħidu li ma hemm ebda każ kontra ġuvni barrani akkużat bl-allegat attentat ta’ ħtif ta’ tifel minn fuq bajja, ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Pulizija qalet li għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet.

Propju fit-30 ta’ Lulju, raġel ġie arrestat wara li l-Pulizija rċeviet rapport bl-allegazzjonijiet li raġel barrani pprova jaħtaf tifel waqt li kien qed ilaħlaħ il-pala u l-barmil mir-ramel fl-Għadira.

Skont l-omm hekk kif it-tifel ta’ ħames snin kien qed jaħsel il-ġugarelli, raġel allegatament mar fuq it-tifel u għattielu ħalqu biex dan ma jkunx jista’ jgħajjat. L-omm sostniet li mnalla t-tifel gidem id l-allegat aggressur xħin dan kien qed jipprova jdaħħlu f’kamp li kellu fuq il-bajja.

Min-naħa l-oħra lbieraħ rapporti qalu li ma hemm l-ebda każ kontra ġuvni barrani hekk kif l-allegazzjonijiet tal-omm ma ġewx ippruvati.

TVM sostna li l-verżjoni li t-tifel irrakkonta lis-social worker waqt l-investigazzjoni kienet differenti minn dik li rrakkuntat l-omm lill-Pulizija u fuq il-midja soċjali.

Ir-rapport kompla jgħid li l-ġenituri tat-tifel kienu daħlu f’argument mar-raġel barrani u t-tfajla tiegħu li kienu l-Għadira b’kamp u li sostnew li “ħadulhom is-soltu post” fejn kienu joqogħdu fil-bajja.

Ir-rapport ħareġ ukoll li l-każ ma kienx se jkompli jiġi investigat u li ma kinux se jittieħdu passi kontra l-barrani.

Madanakollu skont informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Pulizija, jidher li l-investigazzjoni għadha ma waslitx fi tmiemha u għaldaqstant il-Pulizija ma wieġbitx għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar il-każ.