Allegat abbuż Mater Dei: Megally ma jagħtix provi sostanzjali – Ministeru

Read in English.

Il-Ministeru għas-Saħħa qal li t-tabib Naged Megally li allega li sofra abbuż mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon, “falla milli jipprovdi provi sostanzjali dwar dak li allega.”

Kelliema għall-Ministeru qalet ma’ Newsbook.com.mt li Falzon “mhux qed ikun investigat.” Spjegat li dwar il-każ li qed jirreferi għalih Megally infetħet inkjesta interna li kkonkludiet li mill-evidenza li waslet għandha mit-telefonata li kien hemm bejn Megally u Falzon “ma jiriżultax li kien hemm xi forma ta’ theddid”. Megally qal li ma ngħatax kopja tar-rapport finali.

Mistoqsi dwar xi jwieġeb għall-akkużi li qed jaffaċċja, Ivan Falzon qal ma’ Newsbook.com.mt li ma jħossx li jkun “etikament korrett” jekk iwieġeb hu stess f’dan il-każ. Talab lil din il-kamra tal-aħbarijiet biex tibgħat il-mistoqsijiet tagħha lill-kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa.

Fid-dawl tal-allegazzjonijiet li saru, Newsbook.com.mt staqsa lill-Pulizija jekk hix se tkun qed tieħu passi kontra l-persuni li jsemmi Megally. Kelliema għall-Korp qalet li l-Pulizija m’għandha l-ebda rikordju li t-tabib Megally qatt għamel rapport magħha dwar il-każ.

Megally x’qed jallega?

Megally, tabib li għandu diżabilità fiżika, qed jallega li sofra abbuż mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon. Hu fetaħ protest ġudizzjajru kontra Falzon, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u tobba oħrajn b’rabta mal-każ li allegatament seħħ fl-2018.

Megally qal li Falzon u tabib ieħor qabdu u ġarrewh ‘il barra minn kamra li fiha kien qed jara pazjenta. Dan minflok ma stennew porters biex ikun jista’ jitla’ fuq is-siġġu tar-roti tiegħu. Megally allega wkoll li Falzon beda jheddu.

Megally qal li nfetħet inkjesta dwar il-każ però fil-fehma tiegħu ma saritx kif suppost.

Tabib b’diżabilità jgħid li ‘ġie abbużat’ mis-CEO ta’ Mater Dei