Allegat abbuż fil-Korp tal-Pulizija: Sejħa għal inkjesta pubblika

Read in English.

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN) qed isejjaħ għal inkjesta pubblika dwar l-allegazzjonijiet li tqajmu minn uffiċjali tal-pulizija.

“Din l-inkjesta għandha tinvestiga kull każ potenzjali ta’ korruzzjoni sistematika u abbuż ta’ poter f’dawn l-aħħar għoxrin (20) sena,” qal is-CSN. Talab għal inkjesta mmexxija minn tliet imħallfin.

Is-sit Lovin Malta llejal ħareġ filmat ta’ xi pulizija anonimi jitkellmu dwar abbużi li seħħew fil-Korp. Fost affarijiet oħra allegaw li politiċi u nies imlaħħqin fil-Korp kienu jitolbu li jinħafru xi ċitazzjonijiet. Allegaw li xi uffiċjali kienu jattendu korsijiet l-univeristà meta suppost kienu xogħol.

L-allegazzjonijiet tal-pulizija jindikaw li huma ġew użati biex jgħattu abbuż serju li saħansitra jfixklu d-demokrazija Maltija – fosthom biex jiġi mfixkel il-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dawn huma ħwejjeġ mill-aktar serji u mhuwiex sostenibbli f’soċjetà demokratika,” qal in-netwerk.

Is-CSN qal li rr-riżultati tal-inkjesta għandhom jiġu maħruġa pubblikament f’temp ta’ mhux aktar minn sitt xhur u mbagħad jiġi diskussi fil-Parlament.