Allega li t-testijiet forensiċi li saru fuq id-droga ma kinux awtentiċi

Raġel ta’ 33 sena li kien qed jistenna li tinqatgħalu l-kawża rigward traffikar ta’ 1.5kg kannabis, allega li t-testijiet forensiċi li saru ma kinux awtentiċi. Hu nqabad li fuqu kellu mal-1.5kg li dehru li ma kinux intenzjonati li jintużaw minnu biss.

Hu fetaħ proċedura legali għax qal li t-testijit forensiċi li saru fuq id-droga li kien qed iġorr seħħew f’laboratorju mhux akkreditat. B’hekk hu qal li dan kien qed jikser id-drittijiet fundamentali tiegħu. L-akkużat qed jiġi mixli bi traffikar u pussess tad-droga, li kellu fuqu arma tan-nar mingħajr liċenzja u li kien reċediv. Hu ġie mixli wkoll li kiser l-ordni tal-probation li ingħatatlu f’Jannar tal-2016.

L-akkużat talab lill-qorti tipprovdi rimedji effettivi peress li d-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq qed jiġi mittiefes fuq żewġ binarji. Hu qal li d-droga li nqabad biha sarulha testijiet f’laboratorju li dak iż-żmien ma kienx akkreditar mill-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Istandards. L-avukati tal-akkużat argumentaw u qalu li s-sitwazzjoni hi nkewtanti għax jista’ jkun il-każ li hemm nuqqasijiet u preġudizzji serji, għax l-applikant ma kellux assikurazzjoni li l-affarijiet qed isiru skont l-istandards internazzjonali.

Argument ieħor kien dwar il-fatt li l-akkużat ma kienx assistit minn avukat waqt l-istqarrijiet tal-interogazzjoni. Dan hu dritt li hu mniżżel fil-liġi Maltija. B’hekk l-istqarrijiet kisru d-dritt ta’ smiegħ xieraq.