Alleanza Bidla ssostni li Malta għandha tirrikonoxxi l-Gvern ta’ Tripli

Alleanza Bidla qalet li l-Gvern Malti għandu jirrikonoxxi lill-Gvern ta’ Tripli u mhux dak li qed imexxi minn Tobruk. Dan għaliex il-gvern ta’ Tobruk ġie sfiduċjat u imxolli mill-ġudikatura tal-Libja skont il-kostituzzjoni tagħhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Ivan Grech Mintoff sostna li l-Alleanza Bidla qed tara pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea jagħrfu l-Gvern ta’ Tripli u qed tara li dan il-Gvern għandu kontroll eżekuttiv fil-Libja li tah il-poplu Libjan. Għaldaqstant, sostna li Alleanza Bidla ma tistax tifhem kif il-Gvern Malti għażel li jibqa’ jagħraf biss lill-Gvern imxolli ta’ Tobruk u jwarrab il-Gvern eżekuttiv u b’saħħtu ta’ Tripli.
L-Alleanza Bidla sostniet li l-Gvern Malti għażel din it-triq għax “L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Magħquda hekk għamlu wkoll.”
Żied jgħid li dan l-isqaq li daħal fih il-Gvern Malti għandu tifsiriet u konsegwenzi koroh ħafna. Qal li dan jikkonferma li l-Parlament Malti sar totalment servili għal indħil barrani u li l-istqarrijiet tal-Gvern Malti huma skorretti u mhumiex qed jiġu emnuti.
Sostna li l-istqarrijiet qed ikissru r-relazzjoni tajba ta’ Malta mal-Libja kif ukoll iħammru wiċċ Malta fil-kamp internazzjonali.