“Allarmaw id-dilettanti tas-sajd għalxejn”

Read in English.

L-eks Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew, li issa huwa impjegat mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, Dr Peter Agius, qal li dan ir-rappurtaġġ fuq l-istazzjonijiet tal-PBS qed jallarma lis-sajjieda dilettanti għalxejn. Uffiċjal mid-Dipartiment tas-Sajd li tkellem ma’ Newsbook.com.mt ikkonferma dak li qal Dr Agius.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Dr Agius wara li l-ġimgħa l-oħra ħareġ rapport fuq TVM li l-Parlament Ewropew kien se jibda jirregola s-sajd tad-dilettanti. Dan ir-rapport ħoloq ansjetà fost id-dilettanti tas-sajd, partikolarment għax dan ħareġ ġurnata wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja li ddeċidiet li l-insib tal-Gvern għall-għasafar fil-Ħarifa huwa illegali għax qed jikser id-Direttiva tal-Għasafar.

Ħafna sajjieda dilettanti li jħobbu jqattgħu siegħa max-xatt bil-qasba speċjalment f’dawn iż-żminijiet tas-sajf tkellmu ma’ Newsbook.com.mt għax raw dan ir-rapport bħala il-bidu tat-tmiem tad-delizzju tant għażiż tagħhom.

“Ma hemm l-ebda direttiva”

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt Dr Agius, li ssemma li se joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mal-PN qal li “la hemm Direttiva u lanqas għandu jkun hemm Direttiva fuq is-sajd tad-dilettanti. Din hija ħaġa li tvarja minn pajjiż għall-ieħor, u jridu jkunu l-pajjiżi għal rashom li jiddeċiedu fuqha”. Agius żied ukoll “Id-dilettant min jgħinu għandu bżonn, għax il-baħar sejjer lura, u hemm bżonn ta’ infruzar aħjar tar-regoli tas-sajd professjonali speċjalment qrib il-kosta. Kollha għanda dritt ingawdu mill-ħolqien tal-mulej, iżda jekk nibqgħu sejrin b’ dan il-pass uliedna lanqas ser ikunu jafu xi jkun burqax, sparlu jew marzpan”.

Dr Agius spjega kif ir-riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament Ewropew ma tfissirx liġi Ewropea ġdida fuq is-sajd tad-dilettanti, iżda titlob biss li l-Gvernijiet jiġbru l-informazzjoni u jieħdu kont tagħha meta jkun qed ifasslu l-pjanijiet tal-immaniġġjar tar-riżorsi tal-baħar. Agius jispeċifika wkoll li dan huwa każ ferm differenti mill-insib għax f’dan il-każ ma hemm l-ebda Direttiva li tipprojbixxi s-sajd tad-dilettanti.

“Tajjeb tinġabar l-informazzjoni”

Newsbook.com.mt ikkuntattja informalment ukoll lil uffiċjal fid-Dipartiment tas-Sajd li kkonferma li r-regolamentazzjoni tas-sajd rikreattiv taqa’ taħt id-dipartimenti tal-gvern li għandhom ukoll ir-rwol li jiddeċiedu jekk ċertu sajd rikreattiv jiġix regolat u b’liema mod għandu jiġi regolat. L-uffiċjal in kwistjoni semma li l-isfida ewlenija hija l-monitoraġġ u li jkun tajjeb jekk tinġabar aktar informazzjoni dwar l-impatt tal-attivitajiet tal-fish farming u sajd professjonali sabiex nifhmu kif jistgħu jiġu inridizzati t-tniġġis u d-degradazzjoni bijoloġika tal-baħar madwar il-gżejjer Maltin.