Allarm falz joħloq paniku sħiħ fi stat Amerikan

Ir-residenti tal-Hawaii ħadu l-qatgħa tal-ħajjithom meta rċevew messaġġ bi twissija dwar attakk bil-missili imminenti.
Kienu ħafna dawk li rċevew il-messaġġ iwisshom dwar attakk imminenti fuq il-Hawaii u jħeġġeġ lir-residenti biex ifittxu kenn u jintemm jisħaq li: “dan mhux drill."
Iżda rriżulta li dan il-messaġġ ġie mibgħut bi żball u kien allarm falz.
Il-Gvernatur tal-Istat, David Ige, talab skuża lir-residenti li kienu diġà bdew jippanikjaw u spjega li l-messaġġ ġie mibgħut wara li impjegat għafas il-buttuna l-ħażina.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern Amerikan fetaħ investigazzjoni dwar dan il-każ.
Fil-Hawaii u territorji oħra tal-Istati Uniti ġiet introdotta sistema ta’ allarm f’każ li l-Korea ta’ Fuq tiftaħ attakk fuqhom.
F’Diċembru li għadda, għall-ewwel darba mit-tmiem tal-Gwerra Bierda, il-Hawaii pprova s-sirena li twissi f’każ ta’ attakk nukleari.