“Allaħares ommi għamlet abort” – Jeanesse

Jeanesse Abela, mara b’diżabbiltà li kontinwament tissielet sabiex turi lis-soċjetà li ħadd m’għandu jwarrab persuni bħalha, temmen li allaħares ommha għamlet abort.
Ma’ Newsbook.com.mt, Jeanesse spjegat li kieku ħafna servizzi għall-persuni b’diżabbiltà ma jeżistux għax hi kompliet dak li bdew għadd ta’ ġenituri f’NGO favur id-diżabbiltà.
Fissret li meta twieldet hi, lil ommha qalulha li mhix se titkellem u li se tgħix ħajjitha fi stat veġetali. Madanakollu, id-determinazzjoni ta’ Jeanesse li tgħix ħajja normali ssorprendiet lil kulħadd.
Sostniet li qatt ma tista’ taqbel mal-abort, għax temmen li kulħadd għandu kapaċitajiet li jista’ jiżviluppa.
Jeanesse insisitiet li t-tobba qegħdin hemmhekk biex jagħtu l-pariri u mhux joqtlu, u għalhekk, jekk jagħtu l-parir lil xi omm biex tagħmel abort, ikunu ħatja ta’ qtil huma wkoll.
Hi għamlet ukoll l-appell tagħha lil dawk il-ġenituri li qed jistennew tarbija u li jsiru jafu li se tkun diżabbli, sabiex jirrifjutaw li jagħmlu abort u jirrealizzaw li llum il-ġurnata hawn is-sapport kollu meħtieġ sabiex persuni b’diżabbilità jgħixu ħajja kemm jista’ jkun normali.
Il-ġurnata ta’ Jeanesse hija waħda tipika. Taħdem bħal kull persuna oħra, toħroġ ma’ sħabha, u tgawdi l-ħajja. Hija wkoll iżżomm ruħha attiva fis-soċjetà u sabiex tagħti sapport lin-nies bħala, flimkien ma’ persuni oħra, kienet waqqfet l-għaqda L.A.N.D. li toffri post lil persuni b'diżabilità fiżika biex jiltaqgħu u jissoċjalizzaw.
Filwaqt li taf li għandha l-limitazzjonijiet tagħha u li għandha bżonn ammont ta’ għajnuna minn persuni oħra sabiex tkun tista’ tkompli b’ħajjitha, Jeanesse tidher determinata li qatt mhi se taqta’ qalbha milli tkompli turi lil kulħadd kemm persuni b’diżabbiltà kapaċi jaslu fil-ħajja.
Jekk tixtieq tagħmel kuntatt ma’ Jeanesse u tisma’ u tara l-esperjenzi tagħha tista’ tingħaqad mal-grupp li ħolqot fuq Facebook bl-isem ta’ Janna’s Club.